Futbol Sport

Kovac jitkeċċa minn kowċ ta’ Bayern Munich

(Ritratt: EPA)

Niko Kovac ma għadux aktar kowċ ta’ Bayern Munich wara li l-klabb ikkonferma din l-aħbar fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Din id-deċiżjoni waslet wara t-telfa kbira ta’ 5-1 li huma sofrew is-Sibt kontra Eintracht Frankfurt, telfa li kienet it-tieni waħda f’għaxar logħbiet tal-Bundesliga f’dan l-istaġun. B’din it-telfa ċ-champions Ġermaniżi jinsabu fir-raba’ post, erba’ punti wara l-leaders Borussia Monchengladbach.

L-eks midfielder Kroat li għandu 48 sena, kien ilu fit-tmexxija tat-tim minn Lulju tas-sena l-oħra u mexxa lil Bayern Munich għar-rebħ tal-Bundesliga u d-DFB Pokal l-istaġun li għadda. Hu rebaħ 45 minn 65 logħba fit-tmexxija, iżda t-telfa tas-Sibt li għadda kienet l-ikbar waħda fil-Bundesliga f’għaxar snin.

Wara l-logħba, Kovac stess ammetta li ma kienx ċert fuq il-futur tiegħu ma’ Bayern Munich. Hu kien qal li dak li qed iħoss mhux importanti iżda għandhom jiġu mistoqsija dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-klabb. Kovac kien anki f’xifer li jitkeċċa fl-istaġun li għadda wara bidu ħażin, sakemm it-tim irkupra u spiċċa biex għeleb l-isfida ta’ Borussia Dortmund. L-assistent kowċ Hansi Flick se jieħu t-tmexxija ta’ Bayern Munich għall-konfront kontra Olympiacos l-Erbgħa fil-UEFA Champions League u s-Sibt kontra Borussia Dortmund.