Sa mill-għada li tela’ fil-gvern, il-Partit Laburista dawwar l-ARMS f’fewdu tal-Partit u fit-tmexxija tagħha, bħala Chairman u CEO u f’karigi oħra amminsitrattivi, poġġa nies tal-qalba, uħud minnhom b’karigi fil-Labour.
Fid-diskors tal-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bħala tweġiba għad-diskors tal-Baġit, huwa għamel referenza għal dak li l-Eks Prim Ministru Alfred Sant, kien kiteb fuq facebook ftit ħin qabel, dwar l-operat tal-famuża ARMS LIMITED, responsabbli għall-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Qed nisma’ wisq ilmenti dwar kif tal-ARMS jilqgħu lil min ikollu problemi bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hekk qed juri l-kompjuter, jgħidulhom – u allura trid tħallas, stramb kemm jidher li hu l-kont. Jekk veru qed jiġri hekk, ħażin. Il-konsumatur irid jingħata rimedju serju mhux wieħed taparsi. Mhux l-aqwa li dejjem għandu raġun il-kompjuter!

Din hi ammissjoni serja meta tqisha ma’ dak li kien qal Joseph Muscat meta kien fl-Oppożizzjoni meta użaha bħala waħda mit-targets tiegħu fil-kampanja biex jirbaħ il-Gvern. U, aktar minn hekk, x’kien wiegħed fil-Manifest Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2013.
F’dak il-Manifest, taħt it-titlu ‘Enerġija’, u taħt is-sottotitlu ‘Servizz aħjar lill-konsumatur’, fil-wegħda numru 36, tal-Labour kienu qalu hekk: “Inħarsu bis-serjetà lejn l-operat tal-ARMS biex jiġi assigurat li jitjieb drastikament is-servizz li jingħata lill-konsumatur”.

Kienu iktar minn mitejn persuna, li esprimew kliem ta’ rabja u protesta għas-sitwazzjoni li tinsab fiha din il-kumpanija li l-Labour tant strumentalizza fil-ġlieda tiegħu ħalli jikseb il-poter.
Dan hu mument rari fejn laburisti ġenwinament juru l-ipokresija tal-Labour li, flok ma jwettaq dak li jwiegħed, jipprova jieħu rikba politika fuq l-uġigħat tal-poplu, kuljum.
Ħafna kummenti ta’ Laburisti ġenwini bħala tweġiba juru li taħt Gvern Laburista, flok raħas id-dawl qed jiġi iktar għoli, fejn kienu ħafna li saħqu li xi ħadd mill-awtorità għandu jieħu passi fuq l-aħħar kontijiet li ntbagħtu għax mid-dehra ta’ kulħadd ġie d-doppju tas-soltu.

Sentiment fuq fomm kulħadd huwa li s-sistema ta’ kif jitħaddmu l-kontijiet hi qarrieqa u l-konsumatur qed jiġi misruq filwaqt li ħadd ma jrid jagħmel xejn.
