Futbol Sport

Lazio jkabbru l-kriżi ta’ Milan

(Ritratt: EPA)
Din kienet is-sitt telfa ta' Milan f'dan il-kampjonat


MILAN – Il-problemi ta’ Milan komplew hekk kif f’San Siro kienu megħluba 2-1 minn Lazio. Din ir-rebħa kienet l-ewwel waħda għal Lazio f’dan l-istadium kontra Milan wara 30 sena filwaqt li kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva. CIRO IMMOBILE poġġa lil Lazio fil-vantaġġ wara 25 minuta b’daqqa ta’ ras preċiża wara kross mil-lemin ta’ Manuel Lazzari.

Reazzjoni immedjata minn Milan li ġabu d-draw tliet minuti wara b’konklużjoni ta’ Krzysztof Piatek li ġiet imxellfa minn Bastos u baqgħet dieħla fix-xibka. Il-gowl tar-rebħa għal Lazio wasal fit-83 minuta b’Luis Alberto jgħaddi fl-ispazju lejn JOAQUIN CORREA li minn qagħda tajba għeleb lil Gianluigi Donnarumma.

FIRENZE – Parma kisbu punt fi Stadio Artemio Franchi kontra Fiorentina. GERVINHO fetaħ l-iskor fl-40 minuta meta qabbeż fuq Bartlomiej Dragowski wara kontrattakk. Fiorentina ġabu d-draw fis-67 minuta bi kross ta’ Dalbert isib lill-midfielder Gaetano Castrovilli li skorja b’daqqa ta’ ras b’saħħitha.