Internazzjonali

Renju Unit: Farage mhux se jikkontesta l-elezzjoni bħala kandidat

Il-Kap tal-Partit ta’ Brexit, Nigel Farage, qal li mhux se jikkontesta bħala kandidat fl-elezzjoni ġenerali li se ssir fir-Renju Unit, fit-12 ta’ Diċembru.

Farage qal lil Andrew Marr, tal-BBC, li kien ‘ħasibha sewwa ħafna’ iżda ddeċieda li jkun qed iservi l-kawża tal-Brexit aħjar jekk hu, minflok jikkontesta, ikun qed jagħti l-appoġġ tiegħu lis-600 kandidat tal-Brexit madwar ir-Renju Unit.

Nigel Farage kien ipprova seba’ darbiet jikseb post fil-Parlament mingħajr ma qatt irnexxielu u, fl-aħħar sigħat, sostna li hu ma jixtieqx li jibqa’ fil-politika għall-kumplament ta’ ħajtu.

Madankollu, Farage, waqt il-programm ta’ Andrew Marr, ma żammx lura milli jikkritika l-ftehim għal Brexit li wasal għalih il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson. Il-Kap tal-Partit tal-Brexit sostna li l-ftehim li kkonkluda Johnson hu, fil-fatt, agħar milli kieku r-Renju Unit jibqa’ membru fl-Unjoni Ewropea.

Hu żied ‘li kieku Boris Johnson kien qed jipprova għal process ġenwin biex pajjiżu joħroġ mill-Unjoni, il-Partit tal-Brexit ma kienx ikollu l-ħtieġa li jikkonfronta lill-Prim Ministru f’din l-elezzjoni’.

Boris Johnson, fi tmiem il-ġimgħa, ċaħad alleanza mal-partit ta’ Farage u kompla jinsisti li ‘dawn it-tipi ta’ ftehim ma’ partiti oħra qegħdin jissugraw sitwazzjoni fejn il-Kap Laburista (fl-Oppożizzjoni), Jeremy Corbyn, jispiċċa Prim Ministru tar-Renju Unit’.

Nigel Farage, qabel, kien sejjaħ biex Johnson iwarrab għall-ftehim li laħaq għal Brexit u jissieħeb miegħu f’alleanza ‘ta’ Leave’ – inkella jispiċċa jikkonfronta kandidat tal-Partit tal-Brexit ‘għal kwalunkwe siġġu f’din l-elezzjoni’. Farage għadu qed jittama f’xi forma ta’ ‘avviċinament’ min-naħa tal-Prim Ministru iżda, fl-istess ħin, qed jirrikonoxxi li ‘dan mhux probabbli’.