Lokali

Sena wara: Diġa’ falla l-pjan ta’ Ian Borg li jnaqqas it-traffiku minn Vjal l-Avjazzjoni

Sena ilu, preċiżament fid-9 t’Ottubru tal-2018, il-Ministru Ian Borg ftaħar li l-ħin tal-ivvjaġġar bejn il-mini ta’ Ħal Kirkop u Ħal Luqa fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu naqas b’73.3%.

Dan meta sena ilu tħabbar li kien tlesta x-xogħol biex fit-triq ewlenija bejn il-Gudja u Ħal Luqa tiżdied it-tielet korsija tal-karozzi fost servizzi oħra.

Imma f’ammissjoni li dan ma kien xejn għajr ftaħir fieragħ mill-Ministru Ian Borg, issa Infrastructure Malta ħabbret li se tonfoq eluf ta’ ewro oħra biex tibni flyover u żewġ mini ġodda fiż-żona.

Dan hekk kif hu evidenti għal kull min isuq mill-inħawi li, kuntrarju għall-ftaħir tal-Ministru Borg, iż-żona għadha tkun iġġammjata bit-traffiku ta’ kuljum.

Dan il-proġett hu xhieda oħra kif Gvern Laburista mhu jagħmel xejn biex inaqqas il-karozzi mit-toroq, tant li fil-budget ma kien hemm l-ebda inizjattiva f’dan is-sens. Minflok il-Ministeru ta’ Ian Borg infexx fi proġetti li ma jispiċċaw qatt biex ikompli jwessa’ t-toroq għal soluzzjoni temporanja biss.

It-tħabbira ta’ dan il-proġett qajmet ukoll tħassib mir-residenti tal-inħawi hekk kif fl-istess waqt għaddejjin diversi proġetti oħra f’daqqa li kkawżaw kaos fiż-żona u żieda kbira fil-ħin tal-ivvjaġġar.

Dan apparti li mhux ċar x’se jiġri mill-katakombi ta’ Ħal Resqun, li jinsab fir-roundabout ta’ barra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u li hu uniku għall-graffiti li jinkludi u li jgħoddu iktar minn 1600 sena.