SIRENS……………. 0
VALLETTA………. 0
Sirens: D. Cassar, R. Romao, R. dos Anjos, A. Borg, T. Espindola, R. Grech, I. Adeshina, R. Memezes, W. de Oliveira, E. Okoye, F. Cheveresan
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, J. Caruana, J. Borg, J. Zerafa, R. Muscat, I. Dzaria, D. Packer (M. Piciollo 59’), S. Dimech (K. Tulimieri 59’), M. Fontanella, K. Nwoko (B. Kaljevic 73’)
Imwissija: R. Memezes 45+3’, R. dos Anjos 61’, F. Cheveresan 78’, A. Borg 93’ (S), K. Tulimieri 64’, B. Kaljevic 94’ (V)
Referee: Daniel Portelli
Assistenti Referees: Alan Camilleri, Mark Ciantar
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Romario Memezes (Sirens)
Sirens kisbu punt aktar minn meritat fi draw ta’ 0-0 kontra Valletta. It-tim ta’ Steve D’Amato ma kienx assolutament inferjuri mill-avversarji u anzi kellhom l-aħjar okkażjonijiet fil-logħba. Valletta naqsu li jikkontrollaw il-logħba u kienu fqar fl-ideat tagħhom biex b’hekk issa jinsabu tmien punti wara l-leaders Floriana.
Fl-ewwel taqsima l-logħba kienet bilanċjata bl-unika azzjoni denja tasal fuq in-naħa ta’ Sirens. It-tim ta’ San Pawl il-Baħar seta’ mar fil-vantaġġ fl-ewwel parti tat-tieni taqsima, b’Valletta jaqsmu aktar il-logħob sat-tmiem għalkemm ftit kienu perikolużi. Steve D’Amato żamm il-fiduċja fl-istess ħdax li bdew fir-rebħa kontra Balzan filwaqt li Darren Abdilla għamel bidla mir-rebħa kontra Tarxien Rainbows, b’Jonathan Caruana jidħol minflok is-sospiż Steve Borg.
L-aħjar azzjoni tat-taqsima waslet fl-14-il minuta meta Romario Memezes fetaħ fuq ix-xellug lejn Emmanuel Okoye li prova b’xutt fil-lasta li kien imdawwar f’korner bi bravura minn Henry Bonello. Ftit minuti wara, Douglas Packer prova għal Valletta b’xutt li għadda għoli wara kombinazzjoni tajba, u fid-19-il minuta Kyrian Nwoko rċieva tajjeb mingħand Shaun Dimech iżda xxuttja fjakk u David Cassar salva.
Sirens kellhom bidu tajjeb għat-tieni taqsima u setgħu faċilment marru fil-vantaġġ. Fid-49 minuta, Ryan Grech fetaħ tajjeb lejn Flavio Cheveresan li avvanza iżda minn qagħda ideali ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Minuta u nofs wara, kien Adeshina li serva lil Cheveresan, bl-attakkant jonqos li jolqot tajjeb minn pożizzjoni tajba.
Sirens komplew ikunu l-aħjar tim u mas-siegħa logħob minn free-kick ta’ Ryan Grech, id-daqqa ta’ ras ta’ Cheveresan għaddiet fuq il-mimduda. Ħames minuti wara, Sirens reġgħu kienu perikolużi, b’Ige Adeshina jidħol tajjeb għal korner mix-xellug fuq l-ewwel lasta, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra.
Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla daħħal lil Matteo Piciollo u Kevin Tulimieri mas-siegħa logħob. Kienu proprju dawn iż-żewġ plejers li kienu involuti fl-aħħar azzjoni ta’ Valletta sa dak il-ħin. Fil-71 minuta, Piciollo fetaħ tajjeb lejn Mario Fontanella li kkrossja għan-nofs lejn Tulimieri iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet fuq il-mimduda.
Żewġ minuti wara, okkażjoni oħra għal Valletta bi kross mix-xellug ta’ Joseph Zerafa jsib lil Kyrian Nwoko li kompla għan-nofs, b’Mario Fontanella jmattar siequ iżda l-konklużjoni għaddiet ftit barra mill-viċin. Fl-aħħar minuti l-Beltin żiedu l-pressjoni fuq l-avversarji iżda ftit inkwetaw lil David Cassar. Lejn it-tmiem kien free-kick ta’ Kevin Tulimieri li kien imxellef u mill-korner sussegwenti, xutt ta’ Rowen Muscat għadda għoli.
//= $special ?>