Lokali

Tiħrax il-ġlieda bejn Charlon Gouder u Ian Castaldi Paris

Wara dak żvelat minn il-mument ftit tal-Ħdud ilu li Johann Buttigieg, iċ-Chairman Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Ippjanar, kellu jiemu magħduda f’din il-kariga, issa jidher li nfetħet ġlieda diretta bejn numru ta’ persuni qrib Kastilja li qed jaspiraw li jkunu huma li jimlew din il-vakanza.

Fuq quddiem nett għal dan ir-rwol jibqa’ jissemma’ l-Avukat Charlon Gouder li jgawdi fiduċja relattiva f’Kastilja fost numru ta’ persuni influwenti, iżda oħrajn f’Kastilja stess – li forsi jafuh xi ftit aktar mill-qrib – hemm xettiċiżmu kemm jista’ jkun il-persuna ideali għal tali rwol tant delikat.

Itellaq miegħu għal din il-kariga hemm in-nutar Ian Castaldi Paris li ma’ ċrieki qrib tiegħu jistqarr li mhux biss jemmen li jista’ jagħmel biċċa xogħol tajba, iżda fl-aħħar mill-aħħar kien hemm min f’Kastilja li wiegħdu tali rwol.

Ian Castaldi Paris

F’dan ix-xenarju kollu li hu mija fil-mija fiċ-ċert hu li fl-aħħar mill-aħħar għaddiet ta’ Kastilja fil-konfront ta’ Johann Buttigieg, li f’nofs il-ġimgħa l-oħra laqqa’ lill-impjegati tal-uffiċċju tiegħu u qalilhom li hu kien se jieqaf minn din il-kariga u rringrazzjahom tal-kontribut u x-xogħol kollu tagħhom.

Din il-gazzetta il-mument, ftit tal-ġimgħat ilu żvelat l-aħbar li Johann Buttigieg ma kienx baqa’ ben vist ma’ Kastilja u għalhekk kien ser jittajjar minn din il-kariga wara li għal dawn l-aħħar snin okkupa l-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fil-verità, ir-relazzjonijiet bejn Johann Buttigieg u Kastilja kien ilhom sejrin għall-agħar sa mis-sena l-oħra bir-riżultat li fl-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni waslet f’punt fejn Kastilja ħasset li kellha tibda negozjati miegħu biex iwarrab mill-kariga li kien qed jokkupa.

Din il-gazzetta taf tajjeb kif Johann Buttigieg ma kienx għadu jgawdi l-fiduċja ta’ Kastilja u għalhekk kollox kien jindika li r-rapport bejn iż-żewġ naħat kien wasal iż-żmien li jinbidel.

Ta’ dannu kbir għal Johann Buttigieg bħala Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar kien il-mod kif żviluppa u evolva l-inċident tal-20 ta’ Settembru tas-sena l-oħra meta l-istess Johann Buttigieg kien involut “fl-iżball” li ddeċieda li jħallas eluf ta’ ewro biex jibgħat ajruplan privat biex iġib Malta membru tal-Bord biex jivvota favur il-proġett tad-db f’Pembroke. Għal bosta dak l-iżball ma jista’ jinħafer qatt. Fil-fatt hekk kien ingħad b’persistenza minn persuni qrib il-Ministru Ian Borg, li dakinhar kien responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar. Hu sigriet magħruf li l-istess Ministru Ian Borg ma kienx jara għajn ma’ għajn ma’ Johann Buttigieg u li kien għalih kien ilu li tajru mill-kariga li jokkupa.

Madankollu sa dawk iż-żminijiet, Johann Buttigieg kellu kuntatti b’saħħithom f’Kastilja, l-aktar ma’ persuni influwenti ħafna fuq il-Prim Ministru u jiffurmaw parti mill-Kitchen Cabinett tiegħu.

Issa kollox jindika li anki dawn ir-relazzjonijiet spiċċaw tant li Kastilja m’għadx għandha fiduċja f’Johann Buttigieg u ċerti dikjarazzjonijiet li għamel ftit aktar minn sena ilu – ripetittivi u patetiċi fl-istess ħin – komplew jitfgħu fuqu dell tqil u skur bir-riżultat li jiemu bħala Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar kienu saru magħduda – kif fil-fatt seħħ.

Johann Buttigieg kien igawdi salarju favoluż ta’ €83,324 fis-sena. Barra minn hekk, lil hinn mis-salarju kull sena, l-istess Johann Buttigieg igawdi wkoll minn €7,000 oħra bħala allowance għall-karozza, xufier, ħlas għall-fjuwil, service għall-karozza, ħlas għall-ispejjeż kollha taċ-ċellulari u allowance ieħor ta’ €600 għat-telefon u l-internet. Barra minn hekk kien igawdi wkoll minn ħlas ta’ sħubija f’organizzazzjoni professjonali.

Dan il-pakkett ta’ ċirka €100,000 jidher li se jkun offrut ukoll lill-persuna li se tkun qed tieħu dan ir-rwol. Jiġifieri anki lil Charlon Gouder li hu isem familjari ħafna kemm ma’ Kastilja kif ukoll maċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Charlon Gouder hu wkoll meqjus minn ta’ ġewwa ħafna u attwalment hu jgawdi fiduċja relattiva u kundizzjonata mill-istess Prim Ministru Joseph Muscat, u miċ-Chief of Staff, Keith Schembri.

Attwalment, Charlon Gouder igawdi pakkett finanzjarju vantaġġjuż fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akkwakultura fejn issa ilu jimmilita hemmhekk għal diversi xhur wara li kien jokkupa kariga ta’ konsulenza mal-Ministru Josè Herrera.

Reċentement, fi Frar li għadda, l-istess Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura, kien fi Spanja għal taħditiet importanti dwar l-allegat skandlu kbir tat-tonn li kien żvelat fejn fiċ-ċentru kien allegat li hemm id-Direttur tas-Sajd, Adreina Fenech Farrugia, li dwarha kien ingħad li allegatament kienet talbet ħlasijiet mingħand terzi fi Spanja.  Dak l-allegat skandlu partikulari kien wassal għas-sospensjoni ta’ Adreina Fenech Farrugia mir-rwol tagħha u attwalment mhux magħruf f’hiex waslu l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet serji li kienu ngħadu.

Dan il-pakkett ta’ €100,000 fis-sena fl-ogħla kariga fl-Awtorità tal-Ippjanar, qed jistenna li jaħtfu wkoll il-kandidat Laburista Ian Castaldi Paris, nutar li llum, fost l-oħrajn, jokkupa wkoll il-kariga ta’ Chairperson Mhux Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, u li ma sab l-ebda mument biex jitkellem dwar skandli fil-ħruġ tal-passaport Malti.

Ian Castaldi Paris jargumenta li fis-snin li għaddew ħareġ għonqu kemm-il darba favur Joseph Muscat u l-Gvern Laburista u għalhekk issa hu wkoll ħaqqu li jingħata biċċa sew mill-kejk.

Fil-ġimgħat li għaddew l-istess Ian Castaldi Paris imbotta ħafna d-dehra tiegħu fil-pubbliku. Saħansitra deher fil-qoxra tal-magazine ‘Circle’, li ppubblika intervista estensiva tiegħu mifruxa b’kollox fuq ħames faċċati. Fi tmiem is-servizz il-linja editorjali ta’ din il-pubblikazzjoni niżżlet li dan kien feature bi ħlas (This is a paid feature). In-Nutar Ian Castaldi Paris jgħid għaliex ħass il-bżonn li jiffigura b’tant prominenza f’din il-pubblikazzjoni partikulari… ritratt kbir fil-faċċata ta’ quddiem u erba’ paġni oħrajn b’ritratti u test fil-paġni ta’ ġewwa.

Il-mistoqsijiet iqumu waħedhom dwar x’intenzjonijiet għandu n-Nutar Ian Castaldi Paris għall-futur tiegħu – apparti dak li forsi jirnexxielu jidħol b’suċċess fil-kamp politiku.

Interessanti wkoll min għamel tajjeb għall-ħlas ta’ dan is-servizz estensiv f’The Sunday Circle. In-Nutar Ian Castaldi Paris ħallas għal dan is-servizz jew xi ħadd ieħor? Wieħed jittama li ma kenitx xi aġenzija bħal Identity Malta li għamlet tajjeb għal dan il-kapriċċ tan-nutar Ian Castaldi Paris!

Wieħed jemmen li għal dan il-kapriċċ, Ian Castaldi  Paris ħallas minn butu… għalkemm fl-istess intervista l-istess nutar jonqos milli jitkellem dwar kif qed jinbiegħu ċerti passaporti Maltin minn ċerti persuni, inklużi Russi, li m’għandhomx il-kredenzjali u r-rekwiżiti biex jagħmlu dan anki jekk fil-magħluq jiftaħru li għandhom ċertifikati foloz li juru li huma avukati!