Ambjent Lokali

Il-PN se jibqa’ fuq in-naħa tal-ġenerazzjonijiet futuri

Oppożizzjoni li tiddefendi l-ambjent ta' pajjiżna

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia ltaqa’ mal-membri tal-Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) waqt laqgħa li saret fil-Parlament.

Huwa faħħar l-irwol li qed ikollu l-KNŻ fuq temi ewlenin fil-pajjiż bħall-ħarsien ambjentali, speċjalment it-tibdil fil-klima. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista semgħet it-talbiet taż-żgħażagħ dwar il-ħarsien ambjentali u t-tibdil fil-klima u għalhekk ressqet mozzjoni fil-Parlament sabiex tiġi ddikjarata emerġenza tal-klima f’pajjiżna.

Huwa feraħ lill-KNŻ għall-irwol importanti fir-riżoluzzjoni li ġiet approvata unaniment mill-Parlament. Dan meta kien propju l-KNŻ l-ewwel li tkellem fuq il-bżonn li tiġi ddikjarata emerġenza għat-tibdil fil-klima u kien l-istess Kunsill li ħadem sabiex ikkonvinċa lill-Ministru għall-Ambjent jemenda l-mozzjoni tal-Gvern u jintlaħaq kompromess bejn iż-żewġ naħat.

Jeħtieġ azzjonijiet konkreti fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima. Din hija emergenza reali u mhux fuq il-karta biss

Adrian Delia qal li l-PN se jibqa’ fuq in-naħa tal-ġenerazzjonijiet futuri u se jibqa’ fuq quddiemnett jinsisti li din tissarraf f’azzjonijiet konkreti. Adrian Delia qal li pajjiżna jinsab lura li jilħaq il-miri ambjentali tal energija alternattiva ta’ Kyoto 2020, meta dawn il-miri kienu diġà ġew mnaqqsa għal 10%, u l-Gvern mhux iqis il-ħarsien ambjentali bħala prijorità.

Dan meta l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni mingħajr pjan qed iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent. Il-Partit Nazzjonalista kemm lokalment kif ukoll mill-Parlament Ewropew tkellem u ressaq proposti konkreti għall-ħarsien tal-ambjent, l-iżvilupp, noise pollution u l-eliminazzjoni tal-plastik li jintuża darba. 

Għal din il-laqgħa mal-Eżekuttiv tal-KNŻ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali Karl Gouder, u s-Segretarja Internazzjonali tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Courtney Farrugia. L-Eżekuttiv tal-KNŻ kien immexxi mill-President Chiara Vassallo.

Tags