Lokali Qorti

Illiberat fuq akkużi ta’ frodi, falsifikazzjoni ta’ ċekkijiet u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa

Raġel ta’ 42 sena ġie lliberat minn akkużi ta’ frodi, falsifikazzjoni ta’ ċekkijiet u li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa minħabba nuqqas ta’ provi fejn fost oħrajn ma tqabbdux esperti tal-kalligrafija u lanqas filmati tas-CCTV biex jiġi sostnut il-każ.

Joseph Azzopardi kien qed jiffaċċa għaxar akkużi dwar frodi, li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, li għamel użu minn ismijiet folz u li flimkien ma’ ħaddieħor iffalsifikaw ċekkijiet u għamel qliegħ għad-dannu tal-Bank of Valletta. Huwa kien qed jiġi mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet mposti mill-Qorti tal-Maġistrati.

Il-każ imur lura għal Novembru tal-2015 u kellu l-bidu tiegħu meta ċertu Royston Muscat kien ikkuntattjat dwar ċekk li suppost ħareġ fuqu. Dan iċ-ċekk issarraf wara li kienet iffalsifikata l-firma tiegħu.

Muscat, meta mistoqsi dwar iċ-‘cheque book’ deher konfuż u qal li kien użah madwar jumejn qabel, iżda nesa fejn kien għamlu. Il-Pulizija kienu arrestaw lil ċertu Noel Micallef peress li pprova jsarraf ċekk fil-fergħa tal-BOV tal-Marsa.

Micallef kien żvela mal-Pulizija li miegħu kien involut ħuh Roderick, u li ċ-ċekk kien għaddiehulu l-imputat Joseph Azzopardi, li tenna li din ma kinitx l-ewwel darba.

Noel Micallef qal lill-Pulizija li ċ-ċekk kien ta’ €2,300 u minn dawn €300 qasmuhom hu u ħuh filwaqt li għaddew apprezzament li tagħmel il-Qorti.
Il-Qorti f’dan il-każ qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova li kien sar serq ta’ ‘cheque book’ mingħand Royston Muscat, tant li fir-rapport tal-Pulizija hemm imniżżel li Muscat kien konfuż meta mistoqsi fuq is-serq taċ-‘cheque book.’

Li kien ippruvat huwa li ċ-ċekkijiet minn tiegħu kienu msarrfa wara li saret firma li sintendi ma kinitx ta’ sid li kellu l-ktieb taċ-ċekkijiet, jew inkella persuna awtoriżżata li tista’ tiffirma. Minkejja li fl-istqarrija l-Prosekuzzjoni semmietlu jekk joġġezzjonax li jitqabbad espert tal-kalligrafija, dan l-espert qatt ma saret talba għalih u għalhekk f’dan il-proċess hemm nuqqas kbir, qalet il-Qorti.

Dan in-nuqqas ifisser li l-firem li allegatament ġew iffalsifikati u li ffirma l-imputat Joseph Azzopardi ma jistgħux ikunu konfermati. Din il-prova kruċjali kienet torbot lill-imputat b’mod xjentifu mal-każ.

Dwar dan kollu l-Qorti wara li għamlet analiżi tal-provi miġjuba quddiemha, qalet li tinsab f’qagħda li tiddikjara li legalment ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tista’ ssib l-ħtija ta’ Azzopardi skont il-liġi.

Il-Qorti qalet ukoll li hija konvinta li Joseph Azzopardi mhuwiex ta’ subajgħ f’ħalqu u seta’ kellu xi nvolviment f’dan il-każ iżda dan mhux biżżejjed skont il-liġi biex jinstab ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-mistqosija li l-Qorti ma sabitx tweġiba għaliha hi, għaliex l-imputat daħal fl-intrigu li jdaħħal persunin oħra biex isarfu ċ-ċekkijiet ‘misruqa jew misplaced’ u jesponi lilu nnifsu billi jmur hu stess u jibqa’ barra l-bank?

Għaliex ma nġabrux filmati tas-CCTV tal-bank fejn ippruvaw isarrfu ċ-ċekk? Il-firma li sid iċ-‘cheque book’ qal li mhux tiegħu ma ġietx verifikata ta’ min tassew setgħet kienet?

Il-Qorti tista’ biss toqgħod fuq il-kelma tal-aħwa Noel u Roderick Micallef? Min kellu ċ-‘cheque book’ ta’ Royston Muscat? Għand min kien iċ-‘cheque book’ għaliex Muscat stess kien konfuż u ma setgħax iwieġeb x’kien sar mill-ktieb taċ-ċekkijiet tiegħu stess?

Allura kif il-Prosekuzzjoni tippretendi li l-Qorti ssib lil xi ħadd ħati ta’ akkuża li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa meta lanqas biss kien hemm rapport li ċ-‘cheque book’ kien misruq?

Il-Qorti fliet sewwa x-xhieda ta’ Noel Micallef u Roderick Micallef (li meta kienu tressqu l-Qorti dwar dan il-każ kienu ammettew) u ma tħossx li fuq din ix-xhieda tista ssib ħtija fuq l-akkużi miġjubin kontra Azzopardi u għaldaqstant ġie lliberat, Għalih deher l-Avukat Edward Gatt. Sadanittant il-Prosekuzzjoni qalet li kienet se tappella mid-deċiżjoni tal-Qorti.