Lokali

Infermiera aggredita wara li marret tassisti persuna fil-bżonn – l-MUMN tordna direttivi

Infermiera li kienet parti minn staff mediku li assista f’każ il-Ġimgħa li għadda spiċċat tintrefa’ u titniżżel taraġ tal-post fejn kienet.

L-MUMN fi stqarrija ddikjarat li din l-agressjoni, minn qarib tal-pazjent, seħħet mingħajr ma kien hemm l-ebda tip ta’ provokazzjoni. Fortunatament, qraba u membri tal-pubbliku intervjenew biex l-affarijiet ma ggravawx.

Fid-dawl ta’ dan, l-MUMN appellat biex il-Pulizija jarrestaw lill-allegat agressur u jitressaq għall-ġustizzja, waqt li talbet għal protezzjoni fil-konfront tal-infermiera.

Talbet ukoll biex il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-awtoritajiet relevanti jikkundannaw dan l-inċident. Dan waqt li talbet li l-istess polza tal-assigurazzjoni offruta lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-uffiċjali tal-ħabs tingħata wkoll lill-infermiera fid-Dipartiment tal-Emerġenza u dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali.

Din it-talba ilha ssir għal numru ta’ xhur iżda baqgħet injorata minkejja li kien hemm ftehim milħuq bejn l-istess MUMN u d-Dipartiment tas-Saħħa.

Fid-dawl li dan ilf-tehim ġie njorat, l-MUMN ordnat li l-infermiera fid-Dipartiment tal-Emerġenza ma jibqgħux ikunu nvoluti u ma joffrux servizz lil pazjoni ta’ priorità fil-livelli 3, 4 u 5.

L-infermiera membri tal-MUMN lesti li ma joffrux iktar servizzi f’Area 1, jekk il-kwistjoni teskala, kif ukoll li l-infermiera għandha d-dritt titlob lix-xufier tal-ambulanza biex ma jaqbiżx il-limitu tal-veloċita minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurta.