Wara d-digriet mogħti mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar il-metodu tal-ħatriet tal-ġudikanti, l-Oppożizzjoni tistqarr li jekk verament il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu għal qalbu l-ħarsien tas-saltna tad-dritt u speċjalment ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna għandu jwettaq immedjatament it-tibdil fil-ħatriet tal-Imħallfin u tal-Maġistrati b’metodu li jkun tassew indipendenti.
Fi stqarrija mill-Kap tal-PN Adrian Delia bħala kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba ntqal li l-poteri fl-appuntar mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jagħti lil din l-istituzzjoni wisq saħħa u qed toħloq riskji serji lis-saltna tad-dritt. Dan b’mod speċjali fuq il-poter li l-Prim Ministru għandu fuq l-appuntar tal-ġudikatura. Dan kollu diġà ġie rrimarkat fir-rapporti tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO, li jikkonkludu kif il-Prim Ministru għandu wisq poter taħt idejh u l-ħtieġa immedjata ta’ tibdil fil-ħatriet tal-Ġudikatura, filwaqt li jikkundannaw lill-Gvern għall-mod kif ħataf taħt id-dejh l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u qed jikkontrollahom.
Għalkemm il-Prim Ministru kien ħareġ jiftaħar bir-riżultat ta’ dawn ir-rapporti, u qal li huma ċertifikat tajjeb għalih meta jikkundannaw il-mod kif il-Gvern u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed iżommu l-poteri f’idejhom, Joseph Muscat issa qed jagħżel li jibqa’ jinjorahom minflok iwettaqhom kif kien qal li se jagħmel.
//= $special ?>