Il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti jistgħu jidħlu għal rawnd ġdid ta’ taħditiet sa nofs Novembru bil-ħsieb li jwasslu għal żblokk fil-kriżi dwar id-denuklearizzazzjoni tal-Istat Korean komunista.
Membri tal-Parlament tal-Korea t’Isfel qalu li t-taħditiet ġodda jistgħu jsiru ‘bi sforz lejn il-progress’ qabel jiskadi d-deadline ta’ sena li l-Korea ta’ Fuq insistiet dwaru.
Uffiċjali tal-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti, ix-xahar li għadda, kienu ltaqgħu fl-Iżvezja għall-ewwel darba mindu l-President Amerikan, Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea Komunista, Kim Jong-un kienu qablu, f’Ġunju, biex jiftħu mill-ġdid id-djalogu dwar il-proċess tad-denuklearizzazzjoni. It-taħditiet speċifiċi kienu staġnaw wara l-falliment, fi Frar, ta’ summit ewlieni bejn Kim u Donald Trump.
It-taħditiet fl-Iżvezja, intant, ma komplewx, bir-rappreżentant tal-Korea ta’ Fuq isostni li ‘l-Istati Uniti kienet naqset milli turi flessibbiltà’.
Madankollu, l-indikazzjonijiet, issa, huma li l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq se jagħtu spinta ġdida lin-negozjati qabel jagħlaq id-deadline ta’ sena mingħajr żvilupp notevoli.
Kien propru Kim Jong-un li ried jistenna ‘sakemm l-Amerikani juru li se jkunu aktar flessibbli fit-trattativi’, bil-Mexxej komunista jtenni li l-istaġnar kien ġiegħelu ‘jikkunsidra’ l-moratorju fuq il-provi ta’ pajjiżu għall-armi nukleari u l-missili ballistiċi għal fuq distanzi twal.
Intant, l-ambaxxata Amerikana f’Seoul (fil-Korea t’Isfel) ma kkummentatx dwar l-aħħar żviluppi meta tressqula t-talbiet biex tiżvela xi ħaġa dwar ‘is-sitwazzjoni’.
//= $special ?>