L-awtoritajiet fi New Delhi qed jimplimentaw sistema ta’ car rationing – li jfisser li l-vetturi jistgħu jinsaqu fit-toroq biss fi ġranet speċifiċi. Dan waqt li l-awtoritajiet inkwistjoni qegħdin jikkumbattu l-effetti perikolużi tat-tniġġis tal-ajru f’din il-belt.
Minn issa sal-15 ta’ Novembru, il-vetturi permessi fit-toroq se jkunu limitati, bis-sistema qed tkun implimentata skont il-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Filwaqt li din is-sistema ntużat fl-Indja qabel, mhux ċar kemm hi effettiva biex tnaqqas il-livell tat-tniġġis.
Dan meta l-livelli tal-partiċelli perikolużi fl-ajru – magħrufin bħala PM2.5 huma għaxar darbiet ogħla mil-limitu tas-sigurtà fi New Delhi.
Sadattant il-kawża tal-arja mniġġża fi New Delhi tista’ ma tkunx marbuta esklussivament mal-ammonti esaġerati tal-karozzi fit-toroq. L-esperti, fil-fatt, qed jirreferu għall-ħruq tal-uċuħ tar-raba’ mill-bdiewa li jridu joħolqu l-ispazji fl-għelieqi.
L-Uffiċjali tas-Saħħa talbu biex in-nies jibqgħu ġewwa u jżommu lura minn xi attività fiżika peress li hemm il-miljuni f’sogru ta’ mard respiratorju f’dawn iċ-ċirkustanzi.
L-iskejjel għamlu żmien magħluqin u waqt li hemm rapporti li x-shutdown se jintemm dalwaqt, mhux eskluż li dan, fil-fatt, jibqa’ imtawwal sal-Ġimgħa, waqt li New Delhi tibqa’ ‘fgata’ mid-dħaħen tat-tniġġis.
Is-sistema ta’ car rationing, għalissa, għandha taċċerta li t-toroq fi New Delhi ikunu ‘ħielsa’ minn mijiet ta’ eluf ta’ karozzi. Dawk il-persuni li jinjoraw id-direttivi għandhom jeħlu multi ekwivalenti għal aktar minn 50 ewro – id-doppju tas-snin preċedenti.
Huma biss il-karozzi tat-trasport pubbliku, flimkien mat-taxis, il-vetturi għall-emerġenzi u t-two-wheelers li se jkomplu bis-servizz tas-soltu – bin-nisa li jsuqu l-karozzi waħedhom ukoll qed ikunu eżenti mir-regola.
//= $special ?>