Talanqas tliet dimostranti nqatlu meta qawwiet tas-sigurtà Iraqqin fetħu n-nar fuq folla li kienet qed tipprova tassedja l-konsulat tal-Iran fil-belt ta’ Kerbala. L-osservaturi favur id-drittijiet umani kkonfermaw l-imwiet, bir-rapporti jtennu li l-inċidenti f’Kerbala ħallew ukoll diversi midruba, inklużi membri tal-qawwiet tas-sigurtà.
Din il-belt partikulari tal-Iraq hi waħda qaddisa għall-Musulmani Xiti, bl-inċident ikun l-aħħar f’dimostrazzjonijiet ‘tal-akbar spinta ta’ rabja’ kontra l-Iran mindu spiċċa r-reġim tal-eksdittatur Iraqi, Saddam Hussein, fl-2003.
Id-dimostranti li nġabru barra l-konsulat ħarqu r-roti fiz-zona fost għajjat għal “Kerbala ħielsa” u biex ‘l-Iraq iwarrab kull simbolu tal-Iran’. Uħud mid-dimostranti qalu li kienu mmexxija ‘mill-ispirtu tar-rewwixta’ u li huma riedu ‘iniżżlu l-bandiera Iranjana (fl-inħawi) u jpoġġu flokha dik tal-Iraq’.
Is-sorsi f’Kerbala qalu li l-folla għamlet minn kollox biex tidħol fil-konsulat Iranjan u, f’ħinijiet, anki pruvat tagħtu n-nar lil dan il-kumpless.
Sadanittant, il-Ministeru Iraqqin għall-Affarijiet Barranin ikkundanna l-attakk tad-dimostranti fuq il-konsulat u għamilha ċara li l-Iraq hu impenjat biex jipproteġi lill-missjonijiet diplomatiċi f’artu.
Mijiet ta’ Iraqqin mietu fid-dimostrazzjonijiet li saru f’dan il-pajjiż mill-bidu ta’ Ottubru. Dan meta l-Iraqqin qegħdin jipprotestaw kontra Gvern li jqisuh bħala korrott u ‘immexxi mill-interessi tal-barranin’.
//= $special ?>