Lokali

Minn ħalq il-mewt għall-arti

Meta wieħed idur madwar Malta u Għawdex, faċilment jista’ jitpaxxa bi bċejjet tal-arti inkredibbli li huma l-ħolqien tal-artisti lokali tal-graffiti.

Iżda ftit huma dawk li jafu li l-kreatur ta’ din l-arti hu żagħżugħ li minn ħalq il-mewt sar artist. Żagħżugħ li għadda minn ħafna iżda li mid-diżgrazzji ħareġ is-sabiħ tal-ħajja.

Iż-żagħżugħ li jsejjaħ lilu nnifsu Cooker, b’passjoni sħiħa ta ħajtu għall-graffiti.

F’kummenti lil Net News, Cooker jgħid li din il-passjoni dejjem kienet fih … bdiet minn meta kien żgħir hekk kif minn dejjem kien iħobb ipenġi.

Iżda kollox inbidel meta kien fuq l-isptar wara li kien involut f’inċident tat-traffiku u kien fl-aħħar ta’ ħajtu.

“Il-graffiti għalija huma xi ħaġa kbira!” saħaq Cooker “Kont se nħalli ħajti fl-2010 u bażikament għidt li rrid nagħmel xi ħaġa.”

Inċident li fih saħanasitra tilef lil sieħbu, Keith Bezzina ta’ 19-il sena. L-inċident seħħ hekk kif is-sewwieq tal-istess karozza li kienu jinsabu fiha tilef il-kontroll viċin Bieb il-Bombi fil-Furjana u daħal ġo siġra fil-ġenb tat-triq.

Żewġ persuni oħra sofrew ġrieħi gravi filwaqt li tnejn oħra sofrew biss feriti ħfief. Sfortunatament, Cooker kien jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu iżda b’determinazzjoni baqa’ jiġġieled għal ħajtu. Hu dam madwar sena biex irkupra, hekk kif fost feriti f’rasu, kien sofra wkoll feriti f’saqajh u ma setgħax jimxi għal xi żmien.

Iżda wara xi żmien, Cooker ħareġ mill-Isptar u ħajtu nbidlet ta’ taħt fuq. Iddeċieda li jiffoka ħajtu fuq l-arti u wara xi żmien ta’ prattika bit-tpenġija fuq il-ħitan, hu saħansitra ddeċieda li jiddedika graffiti partikolari għal sieħbu li kien tilef ħajtu fl-inċident.

Kollox beda minn sempliċi graffiti tal-kitba, biex fi tliet snin ta’ xogħol u dedikazzjoni ħareġ it-talent kollu tiegħu b’biċċiet tal-arti impressjonanti.

“Minn hemm u minn hawn bdejt nitkellem man-nies u qaluli biex nitkellem ma’ James Micallef Grimaud,” qal Cooker. “Ikkuntatjajtu u grazzi għalih spiċċajt nagħmilhom [graffiti] fl-2013.”

Iżda ħafna jikkunsidraw il-graffiti bħala ħmieġ li jkerraħ il-post. Għal oħrajn, it-talent ta’ diversi artisti jagħtu l-kulur lill-madwar.

Minkejja li ħafna japprezzaw din l-arti, ftit huma dawk li jifhmu li kull biċċa graffiti tirrikjedi proċess twil, kif jispjega aħjar magħna Cooker.

“L-ewwel inpenġi fuq karta imbagħad il-kuluri ovjament ikunu f’moħħi,” qal Cooker. “Din hi faċli għalija iżda għal ħafna nies ikunu jridu li l-isketch bil-kulur eżatt kif fl-aħħar mill-aħħar għandha tiġi fuq il-ħajt.”

Interessanti li l-isem Cooker hu laqam li ta’ età żgħira kien idejqu iżda biż-żmien spiċċa jużah bħala l-firma tiegħu.

F’pajjiżna hawn biss tliet artisti Maltin li jagħmlu l-graffiti, b’Cooker li jittama li fil-futur iktar nies jagħrfu japprezzaw aħjar din l-arti.

“Nixtieq li jkun hawn iktar postijiet fejn tista’ tpenġi,” qal Cooker. “Postijiet illegali kważi m’hawn xejn.”

Hu saħansitra applika t-talent tiegħu għat-tattoos, biex illum sar xogħlu.

“Il-graffiti u t-tattoos huma differenti iżda simili ħafna,” qal Cooker. “Spray can – tattoo machine. Brush – lapes. Totalment differenti iżda t-tnejn huma arti.”