Raġel ta’ 33 sena minn Raħal Ġdid inżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli li nhar it-22 ta’ Ottubru li għadda seraq mobajl minn fuq anzjana ta’ 70 sena, liema serq seħħ bi vjolenza.
Wayne Delia ġie mixli quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Strafrace li wettaq dawn ir-reati għall-ħabta tas-7.00 pm. fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa. Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna feriti ħfief fuq Maria Concetta Parascandalo.
Delia ġie mixli wkoll li fit-28 ta’ Lulju li għadda għall-ħabta tal-5.30 pm. seraq flus minn ‘vending machine’ li tinsab fi triq l-Indipendenza, Pietà għad-dannu tal-kumpanija General Soft Drinks.
Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati fejn fost oħrajn f’digriet li ngħata mill-Maġistrat Josette Demicoli kien ingħata l-l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €6,000.
Ġie mixli wkoll li huwa naqas mill-jħares il-kundizzjonijiet mposti fuqu minn Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona u mill-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef David Scicluna. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Robert Vella u Lydon Zammit. Għalih deher l-Avukat George Anton Buttigieg.
//= $special ?>