Ambjent Lokali

Rapporti ta’ sparaturi lejn qatgħa ta’ ajkli bojod

BirdLife Malta ssejjaħ lill-pubbliku biex jgħaddi kull informazzjoni li jista’ jkollu

Nhar is-Sibt filgħaxija qatgħa ta’ madwar 15-il Ajkla Bajda (Short-toed Eagle) rari kienet osservata dieħla tittajjar fil-baxx minn membri ta’ BirdLife Malta. Ħafna mill-għasafar dehru jinżlu fl-inħawi tas-Siġġiewi u rRabat biex jippruvaw iqattgħu l-lejl. Mhuwiex komuni li ajkli jaqsmu lbaħar huma u jpassu u għalhekk meta jagħmlu dan, il-gżejjer tagħna jservuhom bħala post fejn jieqfu jistrieħu. B’xorti ħażina, imma, issa saret xi ħaġa komuni li dawn l-għasafar maestużi jsibu s-snieter tal-kaċċa mmirati lejhom biex jagħtuhom merħba.

Membri ta’ BirdLife Malta fil-fatt osservaw waħda minn dawn l-Ajkli Bojod qed titniżżel b’tiri tal-kaċċa fil-Girgenti u pulizija mit-taqsima talAdministrative Law Enforcement (ALE) ġew imsejħa fil-post mill-ewwel, u saret tfittxija fl-inħawi. Fl-istess ħin ħafna mill-ajkli l-oħrajn tferrxu filviċinanzi biex jippruvaw isibu post fejn iqattgħu l-lejl. Kemm waqt inżul ixxemx u wara nstemgħu diversi tiri u fiz-zoni kollha fejn niżlu dawn lgħasafar dak il-ħin kienet għaddejja kaċċa qawwija. Minkejja kollox listħarriġ ma wassal għall-ebda arresti jew sejbien ta’ karkassi.

L-għada filgħodu fil-5:00am timijiet iffurmati minn voluntieri u ħaddiema ta’ BirdLife Malta stazzjonaw lilhom infushom fl-inħawi biex jissorveljaw lil dawn l-għasafar iħallu l-postijiet fejn niżlu għal-lejl. Madanakollu, dak li kulħadd kien qed jibża’ li seta’ ġara – jiġifieri li l-għasafar spiċċaw inqatlu qabel ma fil-fatt irnexxielhom jinżlu għal-lejl – kien ikkonfermat meta Ajkla Bajda waħda biss dehret qed tħalli l-Buskett għall-ħabta tas-6:30am. Aktar tard din l-ajkla dehret fit-tramuntana ta’ Malta imma mkien ma dehret imqar l-inqas traċċa tal-għasafar l-oħra minkejja li l-istaff ta’ BirdLife Malta baqa’ fil-post jissorvelja s-sitwazzjoni. Ħafna mill-għasafar x’aktarx spiċċaw maqtula.

Okkażjonijiet rari bħall-miġja ta’ ajkli fl-imgħoddi wkoll spiċċaw inbidlu f’inċidenti ta’ kaċċa illegali. L-aktar rekord riċenti jmur lura għall-bidu ta’ Novembru 2016 meta madwar 60 ajkla differenti – Ajkli tal-Kalzetti u Ajkli Bojod – spiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi f’numru ta’ inċidenti differenti. Każ minnhom ta’ Ajkla tal-Kalzetti qed tinqatel f’Tal-Virtù kien ġie ffilmjat minn BirdLife Malta u dan kien wassal biex kaċċatur jeħel il-ħabs u multa. Il-każ bħalissa jinsab fi stadju ta’ appell. F’massakru ieħor tliet snin qabel, fit-23 ta’ Ottubru 2013, madwar 50 ajkla differenti (Ajkli Bojod, tal-Kalzetti u tatTikek) li kienu qed ipassu minn fuq il-Buskett ukoll messithom l-istess xorti. F’dan il-każ 12 minn dawn l-għasafar protetti kien ikkonfermat li spiċċaw inqatlu b’ħafna oħrajn ġew osservati jispiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi.

Għal darba oħra, anke llum il-fatt li l-kaċċaturi jħossuhom li jistgħu jeħilsuha ħafif minkejja li jisparaw fuq tajr li jgawdi minn protezzjoni għolja qed iħalli riżultati diżastrużi sena wara sena. Hu għalhekk li sena wara loħra wkoll BirdLife Malta u eNGOs oħrajn sejħu għat-twaqqif ta’ Wildlife Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li jkun mgħammar birriżorsi u l-għarfien meħtieġ biex jiffoka esklussivament fuq ir-reati kriminali marbutin mal-ambjent u n-natura. Għal darba oħra nappellaw lillGvern ta’ Malta biex jagħti kas is-sejħa tagħna għat-twaqqif ta’ din ittaqsima kemm jista’ jkun malajr, u anke biex jiżgura li din tkun mgħammra bl-għodda meħtieġa biex isservi ta’ deterrent għal kull kaċċatur li jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi.

Sadanittant, kull min jixtieq jikkuntattja lil BirdLife Malta anke b’mod anonimu b’informazzjoni dwar xi kaċċaturi li jista’ jkollhom fil-pussess tagħhom xi waħda mill-Ajkli Bojod li tniżżlu fi tmiem il-ġimgħa, jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq 7925 5697. Qed nagħmlu wkoll sejħa lillpubbliku biex jingħaqad magħna billi jsir membru – dan isaħħilna l-vuċi tagħna meta niġu biex nagħmlu talbiet marbutin mal-ħarsien tan-natura f’Malta u Għawdex: http://bit.ly/join-BirdLifeMalta.