Lokali Qorti

Sentenza sospiża għall-Perit u żewġ kuntratturi wara li ħaddiem Latvjan kien miet mirdum fil-lukanda Seabank

Perit u żewġ kuntratturi li huma Diretturi tal-kumpanija tagħhom ingħataw sentenza sospiża wara li nstabu ħatja ta’ qtil involontarju ta’ ħaddiem waqt xogħlijiet.

Latvjan tilef ħajtu traġikament meta ntradam taħt struttura tal-konkos waqt li kienu qed isiru xogħlijiet ta’ estensjoni fil-lukanda Seabank fl-Għadira. Il-każ seħħ fl-2012.

Etienne u missieru Anġlu Bartolo minn Ħaż-Żebbuġ ta’ 40 u 65 sena rispettivament u l-Perit Pierre Farrugia ta’ 29 sena minn Ta’ Xbiex ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin b’rabta mal-mewt ta’ Maksims Artamonovs.

Etienne and Anġlu Bartolo, Diretturi tal-kumpanija B&B Construction Limited flimkien mal-Perit Pierre Farrugia kienu wiġebu mhux ħatja ta’ qtil involontarju tal-ħaddiem li kien spiċċa vittma waqt xogħolijiet li kienu qegħdin isiru fil-lukanda fil-Mellieħa.

Il-ħaddiem kien jaħdem mal-imsemmija kumpanija tal-kostruzzjoni li kienet ingħatat il-kuntratt biex tesegwixxi dan ix-xogħol, fi proġett li sewa lill-kumpanija €20 miljun, u dan meta kien qed jiġi żmantellat ‘scaffolding’ fil-parkeġġ tal-karozzi taħt in-‘nightclub’ meta f’daqqa u l-ħin l-istruttura ċediet bil-vittma imut mill-ewwel fuq il-post.

F’sentenza ta’ 74 paġna, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, osservat li kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-Perit li suppost kellu jagħti direzzjoni u l-kuntratturi biex jimplimentaw dawk id-direzzjonijiet fuq is-sit.

Il-Perit kien ħareġ direttivi fuq ‘assunzjonijiet u kalkulazzjonijiet’, qalet il-Qorti li saħqet li l-kuntratturi li kienu wettqu x-xogħol kellhom jiżguraw li kienu qehgħdin jifhmu d-direttivi mogħtija lilhom b’mod korrett fejn hawn jidher li ma kienx hemm sinerġija.

Fil-fatt li ma kienx hemm sinerġija ħareġ mill-provi li ħarġu fil-Qorti, fejn deher ċar li ma kienx hemm l-iċken sinerġija bejn il-partijiet fejn kull wieħed kien jaħdem f’iżolament mingħajr ma jiżgura li l-istruttura kienet waħda stabbli.

Ma kien hemm l-ebda dubju li n-nuqqassijiet minn naħa tal-kuntratturi u l-Perit, qalet il-Qorti, ħallas għailhom dan il-ħaddiem żagħżugħ li spiċċa biex intradam għall-mewt.

“Kienet minħabba n-negliġenza tagħhom li rriżulta l-istruttura kienet waħda diffetuża u li wasslet biex ħasdet il-ħajja ta’ dan il-ħaddiem”, qalet il-Qorti, li osservat ukoll li “l-konsegwenzi kienu jkunu aktar kastratofiċi li kienu dan kollu seħħ meta l-lukanda kienet għadha topera.”

Filwaqt li kien innutat li l-emendi riċenti fir-regolamenti biex jiġu salvagwardjati l-ħsarat fuq propjetà minn terzi, kien pass fid-direzzjoni t-tajba, l-Qorti qalet li hemm aktar xi jsir.

Qalet ukoll li fid-dawl tal-bini li qed jitla’ kontinwament fi proġetti li qegħdin ikunu mgħaġġla, hemm bżonn ħtieġa urġenti li wieħed jiddistingwi r-responsabbilitajiet varji tal-Periti f’dawn il-proġetti.

Hemm bżonn li jkun hemm distinzjoni bejn il-Perit li jiffirma l-permess tal-applikazzjoni u l-Perit li finalment jieħu fuq spalltu l-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ bini, kompliet tgħid il-Qorti.

“L-inċertezza toħloq chaos”, qalet il-Qorti li saħħqet ukoll li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw u jannaliżżaw kollox biex persuni li jagħmlu dan ix-xogħol ikunu kompetenti u jużaw prattiċi serji. Fid-dawl tal-provi li ħarġu il-Qorti sabithom ħatja ta’ omiċidju nvolontarja u kkundannathom sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

“It-tliet irġiel kienu responsabbli għal serje ta’ deċiżjonijiet ħżiena, iżda qatt ma ħadu pożizzjoni li ma jimpurtahom minn xejn u għalhekk ma jimmetittaħomx sentenza ta’ ħabs effettiv” qalet ukoll il-Qorti.