Il-Ministri tal-Gvern ikomplu jaħarbu milli jagħtu kont lill-poplu dwar xi kwalifiċi għandu l-ħabib tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, biex tawh paga ta’ €500 kuljum fit-tmexxija tal-Malta Enterprise.
Fl-aħħar jiem Net News staqsa lill-Ministri Evarist Bartolo, Konrad Mizzi, Michael Farrugia u Owen Bonnici fost oħrajn. Madankollu kollha ġġustifikaw il-paga li ngħata …u ħarbu milli jgħidulna xi kwalifiċi għandu.
Mal-lista, issa ngħaqad ukoll il-Ministru Edward Zammit Lewis, li mhux biss ma jispjegax xi kwalifiċi għandu Kurt Farrugia imma bħallikieku jrid jgħidilna li dan ix-xogħol kien rigal għall-ħidma li għamel biswit il-ħabib tiegħu Joseph Muscat.
F’każ li jirriżenja wara sentejn fuq inizjattiva tiegħu, il-kuntratt jippermettilu li jirċievi somma ta’ €130,000 li tagħha lanqas biss jiġi ntaxxat.
Jekk tkun Malta Enterprise li tiddeċiedi li titterminalu l-kuntratt, Kurt Farrugia mhux biss jieħu l-paga sal-kumplament tat-terminu tiegħu, imma wkoll paga ta’ sentejn oħra. Dan jista’ jfisser madwar kwart ta’ miljun ewro.
Kurt Farrugia jista’ jikkwalifika wkoll għal performance bonus ta’ 20% fuq il-paga bażika tiegħu ta’ €100,000. Din id-deċiżjoni, kuntrarju għas-soltu, tittieħed miċ-Chairman mhux eżekuttiv, li hu appuntat politikament, u mhux mill-Bord tad-Diretturi kif isir normalment.
Sal-lum, Kurt Farrugia għadu jżomm dan il-kuntratt milli jingħata lil Net News, minkejja li saru talbiet ripetuti skont il-Freedom of Information Act.
//= $special ?>