Ritratt li qed jiġi ċċirkulat fuq facebook jikkonferma li partijiet mill-istruttura tal-flyover il-ġdida tal-Marsa qed jaqgħu.

F’kumment li għadda il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo intqal li biċċiet mill-flyover diġà qed jaqgħu, b’periklu għal min qed juża’ l-flyover u min ikun għaddej minn taħtha.
Immedjatament wara li dan il-flyover ġie inawgurat mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg b’tant pompa, tant Ii sar riċeviment li sewa lill-poplu Malti u Għawdxi madwar €40,000, huwa evidenti li x-xogħol tat-Torok ma laħaqx il-livel mixtieq.
Intant, l-aħbar tas-sit NetNews.com.mt mill-ġdid ħolqot furur enormi fil-Ministeru ta’ Ian Borg, bil-ħaddiema kollha f’paniku sabiex jipprovaw isewwu l-ħsara li qed issir kaġun ta’ dan ix-xogħol nofs leħja mill-kuntratturi Torok. U bħas-soltu, biex isalva ġildu, Ian Borg infexx f’dagħdiha fuq Facebook, jipprova jiġġustifika kollox.
Il-Ministru iżda, spiċċa jammetti li l-famużi expansion joints ta’ din il-flyover għadhom qas biss twaħħlu…u se jitwaħħlu gradwalment fil-jiem li ġejjin.

Ian Borg ma qal xejn iżda dwar is-sigurtà f’din il-flyover jew x’mizuri se jkunu qed jittieħdu biex jitħarsu s-sewwieqa li jużaw din ir-rotta – proġett li qed isir b’fondi tal-Unjoni Ewropea.
