Għawdex Lokali Parlament

Adrian Delia jappella għal aktar ħidma b’risq il-prijoritajiet ta’ Għawdex

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha x-xewqa li tara kif, flimkien, naħdmu strutturalment għall-prijoritajiet ta’ Għawdex. U din il-ħidma m’għandhiex tkun biss meta niċċelebraw Jum Għawdex, iżda s-sena kollha.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament, lejn tmiem dibattitu fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex. Minbarra l-politiċi, matul id-dibattitu tkellmu għadd ta’ persuni b’rabta diretta mal-gżira Għawdxija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa l-impenn u l-imħabba tal-kelliema kollha preżenti, fejn qal li d-diskussjoni għandha tibqa’ tinżamm ħajja, f’diskussjoni sinċiera u miftuħa u mhux waħda bbażata biss fuq iċ-ċifri tas-surveys.

Adrian Delia qal li hu d-dmir ta’ kull politiku li naraw verament xi jridu l-Għawdxin, bħalma l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li għandhom ikunu l-Għawdxin li jiddeċiedu fl-aħjar interess ta’ Għawdex. Hu appella lill-Gvern biex jara li l-Għawdxin igawdu minn aktar benefiċċji.

Dwar is-Saħħa, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara aktar investiment f’dan is-settur daqstant importanti. Madankollu, staqsa jekk il-miljuni li qed joħorġu minn but il-poplu hux qed jinħassu fis-servizz provdut.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm bl-appell li l-gżira Għawdxija għandha tkun il-vettrina ta’ pajjiżna.