Futbol Sport

B. Dortmund idawru r-riżultat fit-tieni taqsima u Chelsea jirkupraw żvantaġġ ta’ tliet gowls

(Ritratt: EPA)

Borussia Dortmund wettqu rimonta mill-aqwa fit-tieni taqsima biex fis-Signal Iduna Park għelbu lil Inter 3-2. Inter kellhom bidu mill-aqwa meta marru fil-vantaġġ wara ħames minuti b’azzjoni personali mill-aqwa ta’ LAUTARO MARTINEZ u rduppjaw fl-40 minuta permezz ta’ MATIAS VECINO wara li rċieva kross fil-baxx ta’ Antonio Candreva.

Ir-rimonta ta’ Borussia Dortmund bdiet fil-51 minuta b’gowl ta’ ACHRAF HAKIMI minn qagħda ideali wara kross mil-lemin ta’ Mario Gotze. Il-Ġermaniżi ġabu d-draw fl-64 minuta meta s-sostitut Paco Alcacer seraq ballun mingħand Marcelo Brozovic u qassam lejn JULIAN BRANDT li minn pożizzjoni angolata għeleb lil Samir Handanovic. Il-gowl tar-rebħa wasal fis-77 minuta meta din id-darba kien Jadon Sancho li serva lil ACHRAF HAKIMI li ltaqa’ mal-ballun u għeleb lil Handanovic.

Fi Stamford Bridge, Chelsea rkupraw żvantaġġ ta’ tliet gowls biex ħarġu mil-logħba b’punt fi draw ta’ 4-4 kontra Ajax. Bidu mill-aqwa għat-tim Olandiż bil-gowl tal-vantaġġ jasal wara żewġ minuti minn awto-gowl ta’ Tammy Abraham. Reazzjoni immedjata ta’ Chelsea li ġabu d-draw tliet minuti wara minn penalty ta’ JORGINHO.

QUINCY PROMES reġa’ poġġa lil Ajax minn fuq fl-20  minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin, bl-iskor isir 3-1 fil-35 minuta meta free-kick mil-lemin ta’ HAKIM ZIYECH ħabat mal-wieqfa u mal-gowlkiper Kepa Arrizabalaga biex daħal fix-xibka. L-iskor saħansitra sar 4-1 fil-55 minuta b’xutt ta’ DONNY VAN DE BEEK wara li tħalla żmarkat fil-kaxxa.

Ir-rimonta ta’ Chelsea bdiet fit-63 minuta meta CESAR AZPILICUETA kompla għal ġewwa mill-viċin. Fit-68 minuta żvolta fil-logħba hekk kif fl-istess azzjoni tkeċċew Daley Blind u Joel Veltman li t-tnejn intwerew it-tieni karta safra. Blind minħabba fawl li ngħata l-vantaġġ bix-xutt ta’ Callum Hudson-Odoi jaħbat ma’ id Veltman. Mill-penalty JORGINHO reġa’ skorja. Chelsea ġabu d-draw fl-74 minuta b’xutt fil-baxx taż-żagħżugħ REECE JAMES u erba’ minuti wara Azpilicueta kellu gowl imħassar.

Draw ta’ 1-1 fi Stadio San Paolo bejn Napoli u Red Bull Leipzig. ERLING BRAUT HAALAND fetaħ l-iskor fil-11-il minuta minn penalty sakemm HIRVING LOZANO ġab id-draw fl-44 minuta b’konklużjoni fil-baxx.

Liverpool rebħu f’Anfield 2-1 kontra Genk. GEORGINIO WIJNALDUM fetaħ l-iskor mill-viċin fl-14-il minuta, b’MBWANA SAMATA jġib id-draw fil-41 minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha minn korner. ALEX-OXLADE CHAMBERLAIN skorja l-gowl tar-rebħa fit-52 minuta b’xutt għar-rokna bix-xellug.

Valencia kellhom bżonn rimonta fit-tieni taqsima biex fil-Mestalla rebħu 4-1 kontra Lille. VICTOR OSIMHEN poġġa lill-Franċiżi minn fuq fil-25 minuta minn kontrattakk u kellhom jgħaddu erbgħin minuta biex Valencia ġabu d-draw minn penalty ta’ DANI PAREJO.

L-Ispanjoli marru fil-vantaġġ fit-82 minuta minn awto-gowl ta’ Adama Soumaoro u żewġ minuti wara GEOFFREY KONDOGBIA għalaq il-logħba b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa. FERRAN TORRES issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Leipzig telgħu fil-quċċata ta’ Grupp G b’rebħa barra minn darhom ta’ 2-0 kontra Zenit. Wara li Marcel Halstenberg kellu gowl imħassar bil-VAR fl-14-il minuta, DIEGO DEMME fetaħ l-iskor fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’xutt minn barra l-kaxxa. MARCEL SABITZER irdoppja fit-63 minuta.

Rebħa importanti ta’ 3-1 għal Olympique Lyon fil-Groupama Stadium kontra Benfica. JOACHIM ANDERSEN fetaħ l-iskor wara erba’ minuti u fit-33 minuta MEMPHIS DEPAY irdoppja l-vantaġġ. HARIS SEFEROVIC naqqas id-disakk fit-78 minuta iżda BERTRAND TRAORE għalaq il-logħba fid-89 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna.

Riżultati kollha

Grupp E: Liverpool v Genk 2-1, Napoli v Red Bull Salzburg 1-1

Grupp F: Barcelona v Slavia Praga 0-0, Borussia Dortmund v Inter 3-2

Grupp G: Olympique Lyon v Benfica 3-1, Zenit v Leipzig 0-2

Grupp H: Chelsea v Ajax 4-4, Valencia v Lille 4-1