Internazzjonali

Baghdadi: Tinqabad oħt l-eks Kap tal-ISIS waqt rejd tat-Torok fis-Sirja

Uffiċjali tat-Turkija qalu li oħt Abu Bakr al-Baghdadi, l-eks kap tal-grupp terroristiku ISIS li spiċċa maqtul ftit tal-jiem ilu, inqabdet waqt rejd viċin ta’ Azaz, fil-provinċja ta’ Aleppo lejn it-Tramuntana tas-Sirja.

L-arrest ta’ oħt Baghdadi, li jisimha Rasmiya Awad u li għandha 65 sena, qed jidher bħala kolp importanti li minnu kapaċi tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-ISIS. Dan wara li, ix-xahar li għadda, Abu Bakr al-Baghdadi kien qatel lilu nnifsu bl-isplussivi waqt rejd mill-qawwiet speċjali tal-Istati Uniti fuq il-kumpless tiegħu lejn il-majjistral tas-Sirja.

Għalkemm il-mewt ta’ al-Baghdadi kien imfisser bħala ‘trijonf kbir’ mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, il-kritiċi qed jargumentaw li l-ISIS għadu xorta waħda theddida fis-Sirja u li din it-theddida ‘tmur anki ’l hinn minn dan il-pajjiż’.

Intant, l-uffiċjali Torok qed jgħidu li l-arrest ta’ Awad, l-oħt il-kbira ta’ Baghdadi, kapaċi jixħet dawl ġdid fuq il-qalba tal-ISIS. Dan waqt li s-sorsi qrib il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Ergodan, qalu li l-arrest ta’ oħt Baghdadi jipprovdi eżempju ieħor ta’ kemm qegħdin jirnexxu l-azzjonijiet anti-terroristiċi tat-Turkija.

Il-provinċja ta’ Aleppo, fil-preżent, tinsab ikkontrollata mit-Torok wara li l-qawwiet tat-Turkija, ix-xahar li għadda, kienu wettqu offensiva fuq dik iz-pzona.

Madankollu, ftit hemm magħruf dwar Rasmiya Awad, li nstabet fi trailer fejn kienet qed tgħix flimkien ma’ żewġha u ħamest itfal. Hi, intant, qed tkun suġġetta għal interrogazzjoni fuq suspett li kienet involuta  ma’ grupp estremista,

Waqt li l-eks Kap tal-ISIS, Baghdadi, kellu numru mhux ħażin ta’ aħwa, mhux  magħruf  jekk dawn għadhomx ħajjin kollha.