Il-kowċ ta’ Ajax Erik ten Hag qal li se jibqa’ mal-klabb sa tmiem l-istaġun minkejja rapporti li qegħdin jagħmluh viċin li jsir il-kowċ il-ġdid ta’ Bayern Munich. Iċ-champions Ġermaniżi neħħew lil Niko Kovac wara t-telfa ta’ 5-1 li sofrew kontra Eintracht Frankfurt is-Sibt li għadda.
Fis-sajf li għadda, ten Hag iffirma kuntratt ġdid ma’ Ajax sa Ġunju tal-2022. Hu mexxa lil Ajax għar-rebħ tal-kampjonat u t-Tazza domestika filwaqt li waslu sas-semifinali tal-UEFA Champions League. Fil-passat, ten Hag mexxa t-tieni tim ta’ Bayern Munich bejn l-2013 u l-2015.
“Nista’ nikkonferma li nħoss rabta b’saħħitha mat-tim tiegħi u ma’ kulħadd fil-klabb ta’ Ajax. Nista’ nikkonferma li se nibqa’ ma’ Ajax dan l-istaġun. Bayern hu klabb fantastiku, għadu f’qalbi imma jien ninsab ma’ Ajax.”
Dwar il-logħba tal-lum kontra Chelsea, ten Hag qal li għandu rispett kbir għal Chelsea iżda jafda lit-tim tiegħu u jemmen li meta jilagħbu bħala tim il-logħba sħiħa, ikollhom ċans li jirbħu.
//= $special ?>