Għal tliet darbiet fi ftit minuti, fil-Parlament saret dikjarazzjoni bla tlaqlieq mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC), Joe Borg – “Għawdex qed jiġi irvinat”.
Mingħajr ma għamel aċċenn għall-ebda żvilupp partikolari jew xi permess li ħareġ dan l-aħħar, Joe Borg għamilha ċara li l-karatteristiċi partikolari li għandha l-gżira Għawdxija diġa’ qed jinqerdu. U mhux se tkun il-mina li ġġib din il-qerda.
Borg spjega li l-Għawdxin qed jisparixxu minn Għawdex, kien hemm pass lura fil-konnettivita’ bejn iż-żewġ gżejjer, hemm nuqqas ta’ investiment fit-toroq, problema kbira ta’ parkeġġ u diffikultajiet oħra li qed jaffetwaw direttament is-settur kummerċjali f’Għawdex.
Il-President tal-GBC tkellem ukoll dwar il-qasam tas-saħħa, u tenna l-karba tal-Għawdxin sabiex jinbeda x-xogħol minn Steward Healthcare fuq l-isptar; xogħol li tant hu mistenni.

Waqt is-seduta Parlamentari ta’ dalgħodu li ffukat fuq is-sitwazzjoni f’Għawdex, tkellem fost l-oħrajn il-President tal-GTA Paul Scicluna. Fid-diskors tiegħu hu insista li jrid ikun hemm rieda politika minn kulħadd sabiex niddefendu l-ambjent sabiħ ta’ Għawdex.
Fil-Parlament tkellmu diversi rappreżentanti tas-soċjeta’ ċivili f’Għawdex.
