Il-Malta Football Players Association qed tirrappreżenta 20 plejer ta’ Ħamrun Spartans li għandhom jieħdu xhur sħaħ ta’ salarji. Il-klabb ingħata avviż ta’ 15-il ġurnata li matulu jridu jitħallsu l-pagamenti dovuti kollha.
Jekk jinqabeż dan iż-żmien, il-plejers ikollhom id-dritt li jfittxu li jitterminaw il-kuntratt. L-MFPA qalet li ħafna mill-plejers għadhom ma tħallsux salarju wieħed minn meta bdew it-taħriġ f’Lulju li għadda kif ukoll li wieħed mill-plejers hu dovut salarji li jmorru lura sa Jannar ta’ din is-sena.
“L-MFPA ser tpoġġi l-piż kollu tagħha wara dawn il-plejers li b’mod kuraġġuż qed jingħaqdu u jsostnu lil xulxin. Nafu kemm hu diffiċli li titkellem, imma biex jitjiebu l-affarijiet hekk irid isir. L-MFPA ser tkun qed tkopri l-ispejjeż legali kollha u ser tagħti għajnuniet finanzjarji lill-plejers li qed ibatu biex anke jħallu għall-ikel ta’ kuljum u l-akkomodazzjoni.”
L-assoċjazzjoni Maltija tal-plejers qalet li l-klabb ingħata sal-31 ta’ Ottubru biex jirranġa l-affarijiet skont is-sistema tal-liċenzjar tal-MFA. Huma komplew jgħidu li f’dan iż-żmien, Ħamrun baqgħu jsaħħu l-iskwadra b’akkwisti ġodda. Huma żiedu li ma semgħux jekk l-MFA imponitx xi sanzjonijiet.
L-MFPA qalet li minħabba li l-klabbs li jikkompetu fl-Ewropa kellhom anqas żmien biex iħallsu l-pagamenti kollha, jemmnu li l-klabbs kollha għandhom jingħataw l-istess data, jiġifieri qabel jibda l-istaġun il-ġdid.
“Huwa assolutament inutli, li jkollok regoli li mhumiex infurzati. Mhux biss għandha l-ġustizzja sseħħ imma għandha wkoll tidher li qed iseħħ”, temmet tgħid l-istqarrija.
Din l-istess regola tgħodd ukoll għal klabb ieħor tal-Kampjonat Premier hekk kif f’intervista li ġiet ippubblikata llum f’In-Nazzjon, is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo qal li hemm żewġ klabbs li għandhom pagi b’lura mill-istaġun li għadda.
//= $special ?>