Lokali

Il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin f’Ħal Tarxien

Hemm stennija kbira għall-Fiera l-Kbira ta’ San Martin f’Ħal Tarxien li se ssir nhar il-Ħadd. Dan wara s-suċċess kbir li l-Fiera ta’ San Martin reġgħet kisbet f’Ħal Tarxien bir-ritorn tagħha tliet snin ilu wara nuqqas ta’ madwar 75 sena. L-istennija hija ferm akbar din is-sena wara t-temp ikrah li sfortunatment ħassar l-edizzjoni tas-sena l-oħra.

Il-Fiera ser terġa’ ssir bħal f’dahri fil-bandli ta’ Ħal Tarxien u t-toroq tal-madwar u għaliha tħejja programm mimli daqs bajda għall-familja kollha bi spazju ferm akbar għall-artiġġjanat u s-snajja’ b’bosta stands ta’ artiġġjana Maltin. Fost dawn se jkun hemm artiġġjani tal-bizzilla, arti fuq l-injam, pittura, xogħol tal-fidda, ħjata, rigali u ornamenti għad-dar magħmula bil-ganċ, xemgħat u fwejjaħ. Magħhom ukoll inbejjed, żjut, ħaxix u frott frisk, ħwawar, qsari u pjanti, kif ukoll razez differenti ta’ fniek bis-sehem tar-Rabbitry Fancy Breeder.

U San Martin ma jkunx komplut mingħajr il-logħob tradizzjonali tal-fiera u tombla bi prejjem mill-isbaħ.

Matul il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin ser jittella’ programm varjat ta’ divertiment għall-familja kollha, b’mużika u kant, żfin, show ta’ maġija minn Daniel Raven, illużjonista popolari f’Malta, ħafna logħob għat-tfal.

Bosta klabbs ta’ dilettanti tal-vetturi ser jesebixxu l-karozzi tagħhom fosthom b’wirjiet ta’ vetturi klassiċi, vetturi tal-gwerra, u oħrajn Amerikani.

L-ikel tradizzjonali ma jonqosx. F’nofisnhar ikun servut ikel tipiku Malti u se ssir ukoll l-imbuljuta tradizzjonali. Se jkun hemm ukoll imqaret tat-tamal, u magħhom xi belgħa kafè sħuna blaniżetta, te jew ċumnata tradizzjonali – mulled wine b’laqta Maltija ta’ żmien l-Ingliżi.

U ladarba il-Milied jinsab ftit ġimgħat ’il bogħod ser ikun hemm ukoll stands b’tiżjin tal-Milied għallbejgħ, ġugarelli, kejkijiet u pastini tal-festi u ħafna affarijiet oħrajn. Il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin hija pet-friendly, waqt li ser ikun hemm ukoll stands ta’ informazzjoni minn Wasteserv u d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa. Il-Fiera l-Kbira ta’ San Martin qed tittellgħa mill-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien bilkollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien.

Id-dħul huwa b’xejn. Għal aktar informazzjoni kif ukoll biex tirriserva l-ikla tiegħek ċempel lill-organizzaturi fuq 99165199 jew 99852531.