Lokali

Jaqbad il-mobile u jaħrab

Id-deputat Laburista Clayton Bartolo jinsab skomdu għall-aħħar, u ma jridx jispjega għaliex ivvota favur il-qerda ta’ art ODZ fil-Qala. U kif ghamel is-Sibt li għadda, qed jibqa’ jahrab id-domandi tal-ġurnalisti tagħna.

Clayton Bartolo tant hu skomdu li kif lemaħ lill-ġurnalista ta’ Net News tistennieh barra l-bini tal-Parlament biex tieħodlu kumment dwar l-iżvilupp tal-Qala, inħasad, u għamel ta’ bir-ruħu li qed jirrispondi l-mobile.

Imbagħad kif daħal fil-bini tal-Parlament, u ra li aħna konna tfejna l-cameras, niżżel il-mobile minn ma’ widnejh.

Bartolo hu r-rappreżentant tal-Gvern li vvota favur żvilupp oxxen fuq art ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp fil-Qala, kuntrarju għal dak li għamlet dik li kienet ir-rappreżentanta tal-Oppozizzjoni fuq l-istess bord, Marthese Portelli li vvutat kontra.

L-iżvilupp ġie approvat wara li 7 rappreżentanti fuq il-bord ivvutaw favur, u 4 ivvutaw kontra, biex ftit tal-ħin biss wara, l-iżviluppatur stess qal li ma kienx se jkun qed jagħmel użu mill-permess.

Clayton Bartolo huwa r-rappreżentant tal-Gvern fuq il-Bord tal-Ippjanar

Minkejja dan, ma jidhirx li Bartolo se jkun qed jirriżenja minn fuq il-Bord, inkejja li kienu diversi l-persuni li qed jagħmlu pressjoni kbira biex iwarrab, inkluż persuni fi ħdan il-Partit Laburista, fosthom Alfred Sant u Cyrus Engerer.

B’kuntrast, diversi Ministri qed joħorġu għonqhom għal Bartolo minkejja li vvota kif ivvota, bħal ma għamel il-Ministru tal-Infrastruttura, Ian Borg, li taħtu taqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar, li qal li għandu fiduċja sħiħa fi Clayton Bartolo.