Lokali Qorti

SERQ FIS-SWIEQI: Tliet Libjani jinżammu arrestati; wieħed minnhom kien maħrub

Tliet Libjani żgħażagħ inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlijin b’serq u attentat ta’ serq minn residenza fis-Swieqi. Il-każ kien seħħ għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ filgħodu ta’ nhar it-Tnejn li għadda meta l-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan irċevew telefonata mingħand persuna li waqt li kienet fid-dar tagħha fi Triq Żejni, fis-Swieqi fejn semgħet xi ħsejjes suspettużi ġejjin minn barra u ħarġet fil-gallarija.

Wieħed mill-Libjani Abdulaziz Zamzam ta’ 26 sena kien diġa’ tressaq il-Qorti f’Settembru li għadda akkużat bi stupru u li kien ħarab 24 siegħa wara meta ngħata l-ħelsien mill-arrest. Huwa kien qed jiġri barra u kien qed jagħti isem differenti kif għamel ukoll mal-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Joseph Xerri u Leeroy Balzan Engerer qal li l-mara li għamlet ir-raqpport mal-Pulizija rrapportat ukoll li quddiem ir-residenza tagħha kien hemm vettura suspettuża, startjata u fiha kien hemm xi persuni.

Meta marru fuq il-post marru erba’ Pulizija tad-Distrett sabu l-karozza għadha startjata u fiha kien hemm żewġ persuni. Il-Pulizija ċċirkondaw il-karozza u ordnaw lil dawk li kienu fiha biex immedjatament joħorġu minnha. Iżda x-xufier saq b’lura biex jaħarbu bil-konsegwenza li ħabat ma karozza li kienet ipparkjata.

Il-Pulizija ippruvaw iwaqqfu l-karozza u jiftħu l-bieba tagħha, bil-konsegwenza li Surġent tal-Pulizija weġġa’ ħafif.
Il-Pulizija wara arrestat ukoll it-tielet persuna hekk kif din ħarġet mir-residenza.

Flimkien ma’ Zamzam, li kien hu li ħareġ mir-residenza fil-preżenza tal-Pulizija tressqu wkoll Mahmud Abdirizaq Ali El Markiha ta’ 23 sena u Mohammed Abdulmajed Abungam ta’ 23 sena wkoll, li fil-Qorti ħareġ li qed jieħu l-lezzjonijiet biex isir pilota, fejn huwa qal ukoll li bħal sħabu l-akkużat ma jaħdimx.

Il-Pulizija akkużat lit-tliet Libjani, kollha minn Tripli u kollha residenti l-Gżira li bejn is-sagħtejn u t-tlieta u nofs ta’ filgħodu serqu €150, liemna serq huwa bi vjolenza u li serqu dokument ta’ residenza ta’ vittma maskili, kienu fil-pusses ta’ Zamzam.

Huma ġew mixlija wkoll b’attentat ta’ serq u bi vjolenza, liema reat ta’ serq ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tagħhom. Ġew akkużati wkoll li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li fixxklu membru tal-Korp tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijietu.

Abungab waħdu kien mixli li fis-Swieqi hedded u għamel offiża fuq il-Kuntistabbli Aryton Camilleri, li nġurjah, li kellu fil-pusses ‘flick knife’, ġarr arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Pulizija, saq karozza mingħajr liċenzja u polza tas-sigurtà u li sar reċidiv.

El Markia ġie mixli wkoll li ikkaġuna ġrieħi ħfief fuq is-Surġent Ian Camilleri, li beżżgħu, li saq karozza bla liċenzja u polza tas-sigurtà, li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor ta’ aktar minn €250 iżda anqas minn €2,500 għad-dannu tal-persuna li għamlet ir-rapport lill-Pulzija u li kien fis-sakra f’post pubbliku.

Zamzam waħdu ġie mixli wkoll li ta isem falz lill-Pulizija, li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ, u li kiser il-kundizzjonijiet mposti fuqu mill-Qorti. L-Avukat Noel Bianco li deher għal Libjani għamel talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ tnejn mill-Libjani, minbarra Zamzam, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona u l-Qorti tiċħad it-talba fuq biża ta’ ntraċċ tal-provi u minħabba n-natura tal-akkuża.