Lokali Parlament

Konferma fil-Parlament taż-żieda qawwija fil-fidi taċ-ċens

Konferma fil-Parlament li l-Gvern żied b’mod drastiku il-ħlas tal-fidi ta’ ċens b’tali mod li ma tistax tqisha ħlief bħala taxxa.

Bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru Ian Borg ikkonferma li taħt l-iskema preċedenti il-ħlas amministrattiv biex wieħed jifdi ċ-ċens kien ta’ €150.

Issa din sparat għal €1,000 – sitt darbiet iktar mill-ammont li wieħed kellu jħallas biex jifdi ċens.

Fit-tweġiba tiegħu, Ian Borg ipprova jiġġustifika din iż-żieda qawwija billi qal li ċertu dokumenti, bħall-pjanti ta’ reġistrazzjoni, issa jiġu preparati mid-Dipartiment fejn qabel kien jipprovdihom l-applikant.

Kien propju Net News li kixef din iż-żieda qawwija li l-Gvern daħħal baxx baxx ftit jiem wara d-diskors tal-Budget tax-xahar li għadda.

Issa l-poplu Malti dara bit-tattika tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, li ma jħabbarx taxxi waqt id-diskors tal-Budget meta l-attenzjoni tal-pajjiż tkun kollha fuqu, biex imbagħad idaħħalhom inkiss inkiss matul il-kumplament tas-sena ‘il bogħod mill-kameras u l-iskrutinju tal-pubbliku.