Futbol Sport

Liverpool se jilagħbu żewġ logħbiet f’jumejn

(Ritratt: EPA)

Liverpool ikkonfermaw li se jkunu sfurzati jilagħbu żewġ logħbiet f’jumejn b’żewġ timijiet differenti x-xahar id-dieħel. Ir-rebħa bl-għoti tal-penalties kontra Arsenal li wasslet biex għaddew mal-aħħar tmienja tal-Carabao Cup, ħolqot konġestjoni ta’ logħba għal Liverpool.

Fil-kwarti tal-finali, Liverpool iridu jilagħbu kontra Aston Villa f’Villa Park fis-17 ta’ Diċembru. Anqas minn 24 siegħa wara, iċ-Champions Ewropej għandhom jilagħbu s-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs. Huma kienu qed jittamaw li l-awtoritajiet tal-futbol fl-Ingilterra jagħmlu eċċezzjoni dwar l-iskeda domestika iżda Liverpool ikkonfermaw li ma tlaħaq l-ebda ftehim.

Fi stqarrija, Liverpool qalu li se jużaw żewġ skwadri fl-istess ħin, waħda fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs u l-oħra fil-Carabao Cup. “Il-klabb irid jieħu l-opportunità li jisħaq li filwaqt li dan mhux ix-xenarju ideali, hu riżultat li wasal fl-aħjar interess tal-kompetizzjoni, il-klabbs oħra u aħna.”

Stqarrija tal-EFL qalet li huma aċċettaw rikjesta ta’ Liverpool biex il-logħba tintlagħab skont id-data oriġinali fil-ġimgħa li fiha jintlagħbu l-kwarti tal-finali. Liverpool se jkunu qed jilagħbu b’tim simili bħal dak li lagħbu bih fir-rawnds preċedenti tal-kompetizzjoni.