Il-Prim Awla Ċivili preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti ċaħdet talba ta’
Emanuel Camilleri għall-kumpens wara li kien intbagħat il-ħabs u dam hemm jiskonta sentenza għal xejn fejn huwa kien dam fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal aktar minn sena.
Il-każ imur lura fl-2011 meta kien ġie kundannat sentejn ħabs meta kien konfermat li kien innoċenti. Fil-Qorti Camilleri kien ġie akkużat li abbuża minn bintu Leanne Camilleri, dak iż-żmien kienet taħt l-età. Fl-2011, huwa kien instab ħati li kkorrompiha, liema senteza li kienet ġiet konfermata mill-Appell fl-2013.
Camilleri kompla jikkontesta dan kollu biex jikxef l-innoċenza tiegħu, fejn kien saħaq li bintu kienet mġiegħla tgħid dan kollu minn ommha, Liza May Camilleri.
Aktar tard kienet inħatret inkjesta maġisterjali fejn bintu ammettiet li kienet gidbet, u dan għax kienet imqabbda minn ommha u qrabatha. Kien wassal għad dan kollu peress li ommha u missierha ma kienux għadhom flimkien, u missierha kellu sieħba oħra.
Wara dan kollu Camilleri ħareġ mill-ħabs, u kien ġie liberat f’sentenza oħra. Wara din is-sentenza huwa kien talab għall-kumpens, iżda dakinhar ukoll it-talba ġiet miċħuda. Fil-Qorti huwa talab għall-kumpens, liema talba ġiet miċħuda.
Dan tal-aħħar huwa reġa għamel talba għall-kumpens fuq il-bażi li għadu qed isofri b’dak li seħħ, tant li llum-il ġurnata jinsab jagħmel użu minn pilloli tad-dipressjoni, waqt li minħabba l-kundizzjoni mentali tiegħu m’għadux jaħdem.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li huwa minnu li Camilleri ntbagħat il-ħabs waqt li kien innoċenti, iżda dan ma kienx minħabba żball tal-Qorti, jew tal-Prosekuzzjoni fil-każ, iżda minħabba xhieda falza mogħtija minn bintu, li għall-Qorti, “tiġi persuna privata.”
B’hekk, il-Qorti meta dakinhar bagħtet lil Camilleri l-ħabs, għamlet dan minħabba li emmnet ix-xhieda mogħtija, u mhux minħabba żball gravi li għamlet fil-każ. Għaldaqstant reġa’ ġie miċħud il-kumpens li huwa talab.
//= $special ?>