Lokali Qorti

Mixli b’serq ta’ ħames arloġġi minn ‘stationery’ f’Raħal Ġdid

Raġel ta’ 35 sena residenti Raħal Ġdid u mwieled Londra inzamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li ġimgħa ilu għall-ħabta tal-11.20 a.m. waqt li kien fi ‘stationery’ fi Pjazza Antione de Paule f’Raħal Ġdid seraq ħames arloġġi tal-marka Casio.

Aaron Ritchie tressaq mill-Ispettur Paul Camilleri mixli li huwa wettaq serq aggravat u li l-valur ma ma jiskorrix €2,333. Huwa ġie mixli wkoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati għal darba darbtejn, l-ewwel fis-17 ta’ Mejju 2019 mill-Maġistrat Claire Strafrace Zammit u oħra mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Ritchie wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih bl-Avukat tiegħu Dunstan Camilleri jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qal li kull kawża li kellu l-klijent tiegħu fil-Qorti dejjem attenda u li huwa għadu preżunt innoċenti. Qal ukoll li mill-provi se jirriżulta li m’għandux x’jaqsam mas-serqa.

L-Ispettur Camilleri qal li l-akkużat inqabad minn filmati tas-CCTV fl-inħawi u dan ikkonfermat ukoll mit-tattoos li għandu u li kienu viżibbli fl-istess filmati. Il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-akkużat jinzamm arrestat.