Il-Kap tal-Partit Liberali Demokratiku, Jo Swinson, qalet li l-elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru fir-Renju Unit kapaċi tipprovdi mument opportun għal ‘bidla fuq livell ta’ terremot’ u li minnha joħroġ stil ġdid ta’ politika differenti.
Swinson, waqt id-diskors li nieda l-kampanja elettorali tal-‘Lib Dems’, insistiet li – bħala Prim Ministru — hi tkun kapaċi tipprovdi ‘tmexxija aħjar’ mill-Prim Ministru attwali u Kap Konservattiv, Boris Johnson kif ukoll mill-Kap Laburista (fl-Oppożizzjoni) Jeremy Corbyn.
Intant, Swinson sostniet li l-partit tagħha ‘hu l-uniku wieħed li qed jistinka biex ir-Renju Unit jibqa’ jifforma parti mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jibni futur aħjar għall-poplu Britanniku’. Hi kompliet li f’każ li jitwarrab il-proċess ta’ Brexit, ir-riżultat għandu jkun Remain bonus ta’ ħamsin biljun Sterlina għas-servizzi pubbliċi (tar-Renju Unit) tul il-ħames snin li jmiss.
Il-Liberali Demokratiċi jeħtieġu jibbenefikaw minn theżżiża popolari li tolqot ħażin ħafna lill-partiti kbar tradizzjonali – f’dan il-każ il-Konservattivi u l-Laburisti – biex jaċċertaw minn maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni li jmiss.
Intant, u waqt li kienet qed twieġeb id-domandi tal-ġurnalisti, Jo Swinson qalet li ‘mhix l-ewwel darba li seħħew ir-riżultati sorprendenti’ . Hi, f’dan il-punt, irreferiet għas-suċċess tal-SNP ( Scottish National Party) fl-elezzjoni ġenerali tal-2015.
Meta mbagħad staqsewha jekk il-partit tagħha jistax jappoġġja lil Gvern Laburista f’sitwazzjoni ta’ hung parliament (fejn l-ebda partit jew koalizzjoni ma jiksbu maġġoranza ta’ siġġijiet fil-House of Commons ), Jo Swinson ċaħdet, ‘bl-aktar mod kategoriku’ li l-Kap Laburista, Corbyn, jista’ jassumi l-kariga ta’ Prim Ministru bis-saħħa tal-voti għal-Liberali Demokratiċi.
//= $special ?>