Bi ftehim mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, d-Deputat Ryan Callus irriżenja minn membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet. Dan minħabba ndħil sfaċċat u bla preċedent min-naħa tal-Gvern fil-ħidma tal-Bord u tal-istess Awtorità, u wara li l-Gvern ħa deċiżjonijiet importanti minn idejn il-Bord u poġġihom f’idejn is-CEO tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo.
James Piscopo, eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, huwa persuna viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri.
Il-PN fi stqarrija qal illi f’dawn iċ-ċirkostanzi, r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni, bi qbil mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, ħass li ma setgħax ikun kompliċi f’manuvri intiżi biss biex igawdu erbgħa magħżula b’detriment għal bqija tal-poplu.

Din ir-riżenja ssegwi dik tad-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli minn rappreżentant tal-Oppożizzjoni fl-Awtorità tal-Ippjanar nhar il-Ħadd li għadda. Marthese Portelli rriżenjat, bi qbil mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, biex ma tkunx kompliċi f’manuvri biex igawdu l-ftit, u mhix lesta li tifforma parti minn entità li ma turix rispett lejn il-poplu. Malta tal-poplu tagħha, mhux ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri.
//= $special ?>