Ambjent Internazzjonali

Trump irid jirtira mill-ftehim dwar il-bidla fil-klima

Il-President Amerikan Donald Trump beda l-proċess sabiex jirtira mill-Patt ta’ Pariġi li kien ġie ffirmat fl-2015. Dan il-ftehim storiku kien ġab flimkien 188 pajjiż, inkluż l-Istati Uniti, u kien fassal miri ċari sabiex fis-snin li ġejjin ikun hemm kontroll fuq l-emmissjonijiet fl-arja.

Il-pass tal-Amerikani li jirtiraw minn dan il-ftehim diġa’ qajjem reazzjonijiet ta’ tħassib. Trump kien diġa’ wiegħed sa minn qabel daħal fit-tmexxija tal-White House li kien se joħroġ minn dan il-Patt.

Id-deċiżjoni xorta taf tinbidel skont l-eżitu tal-elezzjoni Presidenzjali li se ssir bħal daż-żmien sena. Għaliex jekk Trump jitlef, is-suċċessur tiegħu jista’ jreġġa lura d-deċiżjoni li ttieħdet minn din l-amministrazzjoni.