Kompliet titwal il-lista ta’ persuni akkużati bi vjolenza domestika hekk kif żewġt irġiel tressqu l-Qorti u ġew akkużati bi vjolenza fiżika u morali fuq marthom. Fiż-żewġ każijiet il-koppji għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Raġel ta’ 44 sena residenti ż-Zejtun ġie mixli li nhar il-Ħadd li għadda kkaġuna feriti ħfief fuq martu. Il-każ seħħ hekk kif il-Ġimgħa 1 ta’ Novembru l-akkużat mar mal-ħbieb tiegħu għall-btala fi Sqallija.
Il-Ħadd imbagħad iddeċidiet li titla’ l-mara tiegħu mal-ġenituri tagħha għall-ġurnata u li l-koppja ltaqgħu fuq il-Katamaran fejn ir-raġel niżel magħhom u f’mument minnhom waqaf jixtri. Kif irritorna huwa qalilha li ma kienx nesa’ l-kliem li kienet qaltlu qabel u allegatament ta daqqa fuq rasha.
Huwa ġie mixli wkoll mill-Ispettur Sarah Zerafa li nġurja lil martu u li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazżzjoni. Id-difiża mmexxija mill-Avukati Martha Mifsud u Jonathan Attard li qalu li l-akkużat se jmur jgħix mal-ġenituri tiegħu fiż-Zejtun.
Il-Prosekuzzjoni qalet li sakemm ikun hemm ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-akkużat ma kienx hemm problemi. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €2,500.
Wara tressaq Bennej ta’ 44 sena mill-Mosta li ġie mixli li sawwat lil martu li kkawżalha ġrieħi ħfief fosthom tbenġil. L-Ispettur Paula Ciantar xliet ukoll lir-raġel li huwa ma ħalliehiex teżerċità d-dritt tagħha fejn jidħlu flus u ħwejjeġ matrimonjal.
L-Avukati Clint Tabone u Michael Tanti Dougall li deheru għall-akkużat għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tal-klijent tagħhom anke invista tal-fatt li dan se jkun jgħix f’residenza oħra fil-Mosta.
Hawn il-Qorti wkoll preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba fuq l-istess kundizzjoni tal-akkużat preċedenti, dik li ma jkellimx lill-allegata vittma u li jagħmel tajjeb għall-pleġġ b’depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000.
//= $special ?>