Fil-futbol Malti għadu preżenti s-sentiment ta’ rabja dwar in-nuqqas ta’ progress li hu tant mixtieq. Jekk f’ħafna aspetti kien hemm progress minimu, assoċjazzjoni li żgur għamlet titjib kienet il-Malta Football Players Association. Din l-assoċjazzjoni twaqqfet fl-2011 u bdiet b’100 membru. Minn dakinhar organizzat ruħha u kisbet diversi drittijiet għall-plejers li sa snin ilu kienu biss ħolma tant li fil-preżent għandha madwar 800 membru. Tkellimt mas-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo dwar diversi temi li jolqtu l-ħidma tal-assoċjazzjoni u l-progress tal-futbol Malti.
Il-kwistjoni tas-salarji b’lura
Aspett partikolari li Mamo jisħaq fuqu hu l-importanza li l-plejers jitħallsu fil-ħin. “Hemm plejers fil-Kampjonat Premier li ilhom bla paga minn Jannar ta’ din is-sena u l-klabb tagħhom għadu jista’ jikkompeti. Mhux talli hekk, talli nefqu l-flus biex isaħħu l-iskwadra mingħajr ma ħallsu l-arretrati tal-istaġun li għadda.”
Hu għamilha ċara li għaxra mill-14-il klabb fil-Kampjonat Premier, għaxra jinsabu aġġornati fil-pagi tagħhom filwaqt li erba’ klabbs minnhom għandhom pagi b’lura ta’ diversi xhur, bi tnejn minnhom saħansitra jinsabu b’salarji lura mill-istaġun li għadda. Dwar dawn iż-żewġ klabbs li għandhom pagi b’lura mill-istaġun li għadda, Mamo qal li fil-jiem li ġejjin se tintbagħat dik li tissejjaħ ‘default notice’ li fiha jkollhom ċans 15-il ġurnata biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Jekk le, il-plejers ikunu jistgħu jitterminaw il-kuntratt.
Carlo Mamo appella biex il-plejers ma jagħmlux żbalji li jiffirmaw karti li jkunu tħallsu meta ma jkunx veru filwaqt li huwa importanti li s-salarju kollu maqbul, jitniżżel fuq il-kuntratt biex b’hekk ikunu intitolati għal dak li jkun miftiehem. “Ir-regoli tal-FIFA jgħidu li jekk plejer ma jitħallasx għal xahrejn jista’ jittermina l-kuntratt iżda Malta mhux bħal FIFA u jippermettu tliet xhur. Il-plejers barranin jistgħu jiktbu lil FIFA u allura wara xahrejn jistgħu jitterminaw il-kuntratt. Il-plejers Maltin ma jistgħux imorru l-FIFA u allura tal-anqas iridu jistennew tliet xhur.”
Is-sistema tal-liċenzjar
Mingħajr tlaqliq, Carlo Mamo jgħid li hemm problema fil-liċenzjar u tissolva biss jekk ikun hemm tibdil fir-regola li min ma jkunx konformi, ma jkunx jista’ jikkompeti fid-diviżjoni partikolari. “Il-liċenzjar f’pajjiżna mhux b’saħħtu. Trid tinħoloq sistema ta’ rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu eżempju fi tliet snin. Titjib sar imma mhux biżżejjed u ċertu burokrazija trid titwaqqaf.”
Hu kompla li l-MFA trid tasal f’punt li biex l-affarijiet isiru kif suppost, għandha timponi ċertu regoli fuq il-klabbs. “Naqbel ma’ dak li qal Paul Zammit li kulħadd għandu dritt li jilgħab il-futbol imma mhux kulħadd għandu d-dritt li jilgħab il-futbol. Għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-Premier u l-Ewwel Diviżjoni u d-diviżjonijiet l-oħra.”
Il-ħatra ta’ President ġdid tal-MFA
Minħabba li f’Lulju ġie elett President ġdid tal-MFA, ma stajtx ma niħux l-opinjoni ta’ Carlo Mamo dwar Bjorn Vassallo. “Apprezzajna li kien iltaqa’ magħna waqt il-kampanja tiegħu minkejja li ma kellniex vot. Bl-esperjenza li għandu fil-FIFA fejn kien jiddjaloga ma’ assoċjazzjonijiet kbar, għandu idea aħjar, ideat interessanti li nispera li ma jeħlux fil-burokrazija tal-futbol Malti.” Hu tenna t-tama tiegħu li Vassallo jista’ jikkonvinċi biex isir il-progress u t-tibdil neċessarju.
L-amministrazzjoni u l-Kunsill tal-MFA
Għalkemm Carlo Mamo jinsab f’assoċjazzjoni tal-plejers, jinsab konxju mis-sagrifiċċji li ħafna klabbs. Il-Kunsill tal-MFA hu rappreżentat minn membri tal-klabbs u assoċjazzjonijiet żgħar. B’hekk kull bidla li trid isseħħ trid tkun konfermata minn dan il-Kunsill fejn hemm numru kbir ta’ nies li jagħmilha diffiċli biex jittieħdu ċertu deċiżjonijiet. “L-Eżekuttiv għandu jkollu rappreżentanza iktar wiesa’. Possibbilment għandu jkun hemm nies indipendenti mill-klabbs għax id-deċiżjonijiet importanti jmorru kontra n-nies li jivvutaw għalihom. Apparti minn hekk l-Eżekuttiv għandu jkollu l-poter li jieħu d-deċiżjonijiet mingħajr il-kunsens tal-Kunsill.”
Kwistjoni li ilha tiġi diskussa fil-futbol lokali hi dwar il-parametri. Carlo Mamo qal li skont dak li ġie diskuss fis-Social Dialogue tal-MFA, il-parametri se jitneħħew mill-istaġun li ġej. Dan wara li l-FIFA anke kienet bagħtet ittra biex tisħaq li din is-sistema għandha titneħħa għax tmur kontra r-regoli tal-FIFA stess.
It-tkattir tat-talent lokali
Ħsieb partikolari ta’ Mamo hu biex jitkattar it-talent lokali. Is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA jgħid li għandha tidħol l-idea li fuq perjodu ta’ żmien li jkun stabbilit, ikun hemm numru ta’ plejers mal-lista tat-18-il plejer li jkunu homegrown, iżda jżid li eżempju tnejn minn dawk il-plejers ikunu telgħu min-nursery jew akkademja tal-istess klabb.
Idea oħra ta’ Mamo hi dwar is-settur taż-żgħażagħ. “Nisma’ b’diversi tfal li jkunu fl-ewwel sena tal-kampjonati ta’ taħt il-15 u s-17-il sena u kważi ma jilagħbu xejn. Dawn it-tfal jistgħu jieħdu logħob kompetittiv jekk jinħoloq kampjonat Reġjonali ta’ taħt l-14 u s-16-il sena bejn eżempju tmien reġjuni. Fihom jilagħbu t-tfal li mhux qed isibu spazju fil-kampjonati. Qed nitkellmu fuq ftit logħbiet u bi ftit ħsieb tista’ ssir.”
Proġett biex tgħin il-plejers ikollhom karriera doppja
Carlo Mamo qal li minn stħarriġ li sar fl-2015, il-plejers kienu mistoqsija xi jżommhom milli jeqilbu professjonali ħarġu tliet raġunijiet partikolari. Dawn kienu s-sistema tal-parametri, il-pagamenti b’lura fejn pajjiżna jinsab fl-ewwel post fl-Ewropa u li hu diffiċli biex ikollhom karriera.
Proġett partikolari li l-MFPA qed taħdem fuqu hu biex jgħinu lill-plejers ikollhom karriera doppja fejn jilagħbu l-futbol mingħajr ma jitraskuraw l-aspett akkademiku. Fil-preżent hemm Juan Corbalan ta’ Gżira United, Matthew Guillaumier ta’ Birkirkara u Daniel Agius ta’ Santa Lucia li qegħdin taħt din l-iskema, b’Niki Muscat ta’ Gżira United lesta l-kors li kien qed jagħmel.
Mamo qal ukoll li l-MFPA qed tħares li tesponi t-talent Malti barra l-pajjiż fejn semma l-kollaborazzjoni li għamlu mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport biex l-istudenti marru għal kamp ta’ taħriġ. Mamo kompla li l-MFPA għad fadlilha ħafna x’tagħmel u qal li jridu jkomplu jagħmlu diversi korsijiet fosthom fuq anti-doping, first-aid u jgħinu biex il-plejers ikollhom karriera doppja fejn diġa joffru degree online fi Sport Management kif fil-fatt għamel Matthew Guillaumier.
//= $special ?>