Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA ssospenda ħames plejers logħba u plejer tliet logħbiet wara l-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet mill-Kampjonat Premier. Dawn huma Enrico Pepe ta’ Birkirkara, Zachary Scerri ta’ Gżira United, Soufiane Lagzir ta’ Ħamrun Spartans, Ferdinando Apap ta’ Hibernians, David Mendoza ta’ Santa Lucia u l-captain ta’ Sliema Wanderers Mark Scerri ġie sospiż tliet logħbiet minħabba li ta daqqa f’wiċċu lil Jens Wemmer mingħajr ballun.
Id-difensur Enrico Pepe u l-midfielder David Mendoza se jitilfu l-konfront bejn Santa Lucia u Birkirkara, il-midfielder Zachary Scerri se jitlef il-logħba kontra Sirens, id-difensur Ferdinando Apap mhux se jilgħab il-logħba kontra Floriana filwaqt li Soufiane Lagzir se jkun indisponibbli għall-konfront kontra Sliema. Il-captain Slimiż Mark Scerri mhux biss se jitlef il-konfront kontra Ħamrun iżda wkoll kontra Santa Lucia u Birkirkara.
Mill-Ewwel Diviżjoni, Neil Pace Cocks (Pietà Hotspurs), Ricardo Martin (St. Andrews), Kemar Reid (St. Andrews), Gianluca Sultana (Vittoriosa Stars) u Keith Vella (Vittoriosa Stars) ġew sospiżi logħba. Irvin Abela ta’ Vittoriosa Stars weħel żewġ logħbiet sospensjoni. L-uffiċjal ta’ Fgura Anthony Gafa ġie sospiż żewġ logħbiet u l-uffiċjal ta’ St. George’s ġie sospiż logħba.
Ryan Farrugia ta’ Żurrieq kien l-uniku plejer li ġie sospiż mit-Tieni Diviżjoni u mit-Tielet Diviżjoni, l-uffiċjali ta’ Dingli Swallows Marco Buttigieg u Shawn Tanti weħlu żewġ logħbiet sospensjoni u Carmelo Muscat weħel logħba sospensjoni. Mill-Ewwel Diviżjoni ta’ Għawdex, Anthony Sultana ta’ Għarb Rangers ġie sospiż logħba.
//= $special ?>