Bejn l-14 u s-17 ta’ Novembru, il-Malta Drag Racing Association se torganizza l-ħames u l-aħħar rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali Enemed fit-trakka ta’ Ħal Far. Aktar minn 120 kompetitur inklużi sitt timijiet barranin se jkunu qed jikkompetu f’diversi klassijiet bil-karozzi, dragsters u muturi tagħhom.
Malta u l-Ġermanja se jkunu f’kompetizzjoni diretta fil-klassi Top Alcohol Dragster. Mata se tkun rappreżentata mit-timijiet ta’ Mr. Whippy u ta’ Galletta filwaqt li l-Ġermaniżi se jikkompetu bit-tim ta’ Silvio Strauch li jismu Engine Gost Dragracing Team.
L-aktar taqtigħa ħarxa mistennija tkun fil-klassi Escort fejn kollox jiddependi mir-reazzjonijiet malajr tas-sewwieqa fuq id-dawl u billi jużaw il-qawwa kollha disponibbli. Dan hekk kif il-karozzi se jkunu kważi identiċi fil-potenza tal-magna u l-piż tal-karozza. Għal darba oħra, Duncan Micallef se jipparteċipa bil-Casafini Top Alcohol Dragster u jipprova jikser rekord li bih it-trakka Maltija tidħol ma’ dawk ta’ taħt l-erba’ sekondi.
Fil-paddock wieħed jista’ jara u jiltaqa’ mal-mekkaniċi, tekniċi, assistenti u sewwieqa li jkunu qed jippreparaw il-karozzi u l-muturi tagħhom, bil-bibien jinfetħu mill-10.00am.
//= $special ?>