Internazzjonali

Il-kampanja elettorali fir-Renju Unit: Johnson iwiegħed biex jirrealizza Brexit f’Jannar

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, inawgura l-kampanja elettorali b’wiegħda li ‘jikkonkludi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea’ f’każ li l-poplu jafdah b’mandat ġdid fl-elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru. Dan waqt li wiegħed biex jistimola ‘il-veru potenzjal tar-Renju Unit’ wara Brexit.

Fl-istqarrija tiegħu barra l-Uffiċċju ta’ Downing Street ( Londra) Johnson qal li vot għalih mill-poplu jkun ifisser mandat biex jintemm ‘il-paraliżi’ fil-Parlament u biex hu joħroġ pajjiżu mill-Unjoni f’Jannar li ġej.

Il-Prim Ministru wissa wkoll li rebħa għall-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni għandha tiftaħ ‘għal xenarju tal-waħx’ karatterizzat b’aktar dawmien fil-proċess għal Brexit.

Sadanittant, Alun Cairns irriżenja minn Segretarju tal-Istat għal Wales, b’din id-deċiżjoni titqies bħala daqqa ta’ ħarta għal Boris Johnson. Għalkemm Cairns ma kienx ‘isem kbir’ barra Wales, l-osservaturi qalu li t-tluq tiegħu ma jirriflettix tajjeb fuq il-kampanja ta’ Boris Johnson. Ir-riżenja, fl-istess ħin, ikkumplikat bidu diġà problematiku għall-kampanja tal-Partit Konservattiv fil-Gvern.

Il-bidu tal-kampanja elettorali fir-Renju Unit ifisser ħames ġimgħat ta’ kampanji intensivi għal numru ta’ partiti.

Dan meta l-Partit tal-Ħodor beda l-kampanja tiegħu b’wiegħda biex jinvesti mal-100 biljun Sterlina fis-sena (għal għaxar snin) fuq azzjonijiet favur il-klima.

Intant, il-Liberali Demokratiċi wiegħdu li jonfqu mat-2.2 biljun Sterlina fis-sena fuq is-servizzi għas-saħħa mentali, bl-inizjattiva tkun iffinanzjata b’żieda ta’ wieħed fil-mija fit-taxxa.

Il-Prim Ministru Johnson, kmieni llum, iltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta fil-Palazz ta’ Buckingham għall-bidu uffiċjali tal-perjodu elettorali u, fid-diskors ta’ Downing Street, qal li hu ma riedx isejjaħ din l-elezzjoni bikrija iżda bilfors kellu jieħu azzjoni fid-dawl tal-isforzi mill-Parlament ‘biex itelliflu l-ftehim dwar Brexit li kien daħal għalih mal-Mexxejja tal-Ewropa’.

Johnson kompla li rebħa elettorali għall-Partit Konservattiv fil-Gvern għandha tfisser li r-Renju Unit ikun barra l-UE fi żmien sitt ġimgħat. Hu enfasizza li dan il-pass ‘irid iwassal għal gelgul ta’ investiment fl-ekonomija’.

Il-Prim Ministru wissa, fl-istess ħin, li rebħa għall-Partit Laburista, għall-kuntrarju, tirriżulta f’tieni referendum dwar Brexit u tieni vot dwar l-indipendenza tal-Iskozja mill-kumplament tar-Renju Unit.

Il-Parlament kien spiċċa xolt, minn lat formali, ma nofs il-lejl u li jfisser li d-deputati kollha, issa, saru mill-ġdid membri tal-pubbliku – bil-Ministri tal-Gvern jibqgħu jżommu l-karigi preżenti.

Il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, filwaqt li nieda l-kampanja elettorali tal-partit tiegħu, wiegħed li jkun ‘Prim Ministru differenti ferm minn Boris Johnson’.

Hu sostna li l-Laburisti huma preparati tajjeb għall-elezzjoni waqt li jinsabu determinati għall-poter biex jibdlu lir-Renju Unit għall-aħjar. Corbyn kompla li l-elezzjoni tipprovdi opportunità ‘ta’ darba f’ġenerazzjoni’ biex jitwarrbu l-ostakli li qegħdin iżommu lura lill-poplu u biex ‘jinbnew mill-ġdid’ is-Sistema tas-Saħħa Nazzjonali (NHS), l-iskejjel u l-Korp tal-Pulizija.

Għalkemm Corbyn kien qal, qabel, li referendum ġdid għall-indipendenza tal-Iskozja ‘la hi mixtieqa u lanqas neċessarja’, il-Kap tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż (SNP), Nicola Sturgeon temmen ‘li Gvern Laburista, ‘il quddiem, għandu jippermetti għal dan ir-referendum speċifiku’.