Lokali

Il-kuntratt ta’ Kurt Farrugia jibqa’ moħbi għal netnews

Għaddew kważi għaxart ijiem….u sal-lum il-ġurnata, net news għadu mingħajr kopja tal-kuntratt tax-xogħol ta’ Kurt Farrugia – kuntratt li bih, wara li telaq minn Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia se jkun qed idahhal fil-but sa €500 kuljum.

Għal raġunijiet mhux magħrufa, Kurt Farrugia għadu qed iżomm il-kuntratt tax-xogħol tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise moħbi minn Net News. Wara li l-ġimgħa l-oħra tlabna b’mod formali sabiex ningħataw kopja tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, s’issa dan il-kuntratt għadu qed jinżamm mistur minkejja li t-talba taghna saret skont il-Freedom of Information Act…u minkejja li media ohra inghatat dan il-kuntratt.

Fl-ewwel email, mibgħuta t-Tnejn 28 ta’ Ottubru, tlabna kopja tal-kuntratt ta’ Kurt Farrugia. Aktar tard it-Tnejn, tlabna wkoll kopja tal-kuntratti li kienu ffirmaw iz-żewġ predeċessuri ta’ Farrugia, iżda anke din l-email baqgħet mhux imwieġba.

Għaldaqstant, it-Tlieta 29 ta’ Ottubru, irrepetejna t-talbiet ta’ lejliet, din id-darba skont il-Liġi tal-Libertà tal-Informazzjoni. Issa, għaddew aktar minn għaxart ijiem, u xorta ghadna bla risposta.

Mistoqsi minn dan l-istazzjan dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Kurt Farrugia, il-Ministru Ian Borg din il-gimgha baqa’ jiddefendi lill-habib ta’ Muscat…bl-uniku ħaġa li kien kapaċi jgħid huwa li jifraħlu għax-xogħol li qed iwettaq.

L-eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Joseph Muscat se jkun qed jaqla sa massimu ta’ €500 kuljum bħala Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise. Barraminhekk, f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt – anki jekk jirriżenja hu minn jeddu – Kurt Farrugia idaħħal iktar minn €130,000 fil-but.