- Claudette Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza għandha tmur quddiem il-kritiċi qabel tkun approvata fl-istadju ta’ kumitat.
Fil-parlament Claudette Buttigieg qalet li din il-liġi hi parti minn sett u staqsiet jekk r-rapport tal-Kummissjoni Venezja approvax u ċċertifikax l-abbozz finali.
Fuq punt ta’ spjega l-Ministru Edward Zammit Lewis qal li fl-abbozz il-gvern ikkunsidra diversi aspetti tal-Kummissjoni Venezja.
Claudette Buttigieg qalet li ħadd m’hu jitkellem kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza u sostniet li l-Ministru Zammit Lewis issa ikkonferma li dan ir-rapport hu r-risposta tal-Kummissjoni Venenja biex tieħu parir fuq dawn iż-żewġ liġijiet.
Il-Kummissjoni Venezja kienet ġiet Malta u kkritikat b’mod aħrax il-proposta li l-gvern kien se jagħmel kummissjoni ta’ bejn 18 u 20 persuna; liema proposta issa tneħħiet.
L-intenzjoni ta’ dawn il-liġijiet huma biex titneħħa kull diskriminazzjoni possibbli. Hu ta’ sodisfazzjon li l-Gvern ħa l-pariri tal-Oppożizzjoni biex il-ħatra tal-bord ma ssirx mill-Prim Ministru għaliex din kienet tkun bla sens meta quddiemu jridu jersqu każi ta’ allegata diskriminazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li din il-liġi m’għandhiex tiġi ‘l fuq mil-liġi Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-kwistjoni tal-multa tal-€10,000 għadha m’hix ċara għaliex il-Ministru issa qed jgħid li din il-multa tingħata jekk ma tkunx issewwiet id-diskriminazzjoni. Din se jkollha funzjoni korrettiva.
Dwar ir-rwol tal-Bord, id-deputat Nazzjonalista qalet li s-separazzjoni bejn il-prosekutur u min jiġġudika hi fundamentali. Ejja ma nkunux diskriminatorji fuq opinjonijiet ta’ ħaddieħor, appellat Claudette Buttigieg, li kompliet li min l-iktar jikkritika dawn l-abbozzi fi stat bikri, sal-lum għadu ma rċeviehomx fosthom l-Omdusman, l-MEA u l-Professur Kevin Aquilina.
Id-deputat Nazzjonalista appellat biex il-liġijiet f’dan il-kuntest ikunu b’saħħithom. Hi kkwotat dak li qalet il-Kummissjoni Venezja dwar min se jiddeċiedi fejn persuna għandha tmur b’ilment fuq diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni qalet ukoll li jekk hemm difetti fis-sistema ġudizzjarja l-gvern għandu jsolvi dawn il-problemi mhux billi joħloq bord ieħor.
Claudette Buttigieg qalet li fejn hemm bżonn isiru għandhom isiru l-emendi u appellat biex tingħata ċ-ċertezza legali. Il-Kummissjoni qed tgħid li l-istrutturi ma jistgħux ikunu dipendenti fuq il-gvern għalkemm hu pass għaqli li din issa se taqa’ taħt il-parlament.
Punt ieħor tal-Kummissjoni Venezja hu dwar x’se jiġri fil-kuntest ta’ din il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza u entitajiet oħra, fosthom l-Ombudsman. Fir-rapport tiegħu l-Ombudsman insista li l-istrutturi ma jkunux imdgħajfa.
X’se tkun il-funzjoni tal-Ombudsman? staqsiet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li hu ta’ dispjaċir li dawn l-abbozzi ma marrux quddiem l-akbar kritiċi tagħhom fejn lanqas il-Kummissjoni Venezja ma rat l-aħħar abbozz. Hi pproponiet li dan il-proċess isir qabel il-parlament imur quddiem fl-istadju ta’ kumitat.
//= $special ?>