Ikomplu jiżdiedu l-ilmenti tan-nies fuq il-vapur ‘Nikolaus’ tal-Gozo Channel. Dan hekk kif minn ritratti li waslulna jidher li dan il-vapur għandu problema kbira ta’ sadid.
Persuni li tkellmu ma’ netnews.com.mt spjegawlna kif mal-art hemm ammont kbir ta’ sadid, li jista’ jkun ta’ periklu speċjalment għat-tfal.
Inkonvenjent ieħor huwa n-nuqqa ta’ aċċessibbiltà li teżisti fuq dan il-vapur hekk kif m’hemmx aċċess għal lift. Raġel li tkellem magħna qalilna li l-mara tiegħu kellha tibqa’ fil-karozza tul il-vjaġġ kollu għax kienet għadha kemm għamlet operazzjoni u ma setgħetx titla’ t-taraġ.
Dawn il-problemi jkompli jżidu ma’ dawk li nqalgħu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet hekk kif minħabba l-maltemp in-Nikolaus kellu jgħaddi minn wara Kemmuna għaliex ma jiflaħx għar-riħ qawwi li kien hemm. Konsegwenza ta’ dan kien hemm diversi nies li spiċċaw damu għal diversi sigħat jistennew sabiex jaqsmu minn Għawdex għal Malta.
//= $special ?>