Id-deċiżjoni ta’ Infrastructure Malta li taqla’ diversi toroq f’daqqa fl-inħawi tal-Marsa u l-madwar wasslet biex ir-residenti ta’ Ħal Tarxien u Santa Luċija spiċċaw maqfula f’darhom.
Bil-ħruġ għal dawn iż-żewġ lokalitajiet li diġa’ kien problema, minħabba t-traffiku, l-għeluq tat-Telgħa tal-Addolorata wasslet biex sar kważi impossibbli li r-residenti joħorġu minn djarhom waqt li jittamaw li xi ħadd iċedilhom.
Dan hekk kif ammont kbir ta’ karozzi huma sfurzati jgħaddu minn Triq Ħal Luqa, biswit il-Ġnien taċ-Ċiniżi, u Triq Garibaldi. Is-sitwazzjoni qed twassal għal traffiku kbir kemm filgħodu, kif ukoll wara nofsinhar.
Id-deċiżjoni tal-għeluq taż-żona ta’ roundabout ta’ Santa Luċija wasslet għal kritika kbira hekk kif il-ħin ta’ vjaġġar fl-inħawi żdied drastikament u r-residenti qed jispiċċaw iduru dawra ma’ Malta.
Ir-residenti lanqas biss jafu kemm se tippersisti din is-sitwazzjoni, hekk kif Infrastructure Malta qalet biss li t-triq se ddum magħluqa għal xhur.
Dan għaliex id-deċiżjoni tal-għeluq ta’ din iż-żona, għall-bini ta’ żewġ mini, sar fl-istess waqt li għaddej ukoll il-proġett tal-flyovers tal-Marsa … sitwazzjoni li wasslet biex it-traffiku kollu min-naħa t’isfel ta’ Malta spiċċa jgħaddi minn żewġ toroq.Fl-aħħar jiem il-kaos tant kien kbir li l-Gvern ma kellux għażla ħlief li jibgħat uffiċjali tiegħu ma’ kull roundabout fl-inħawi biex jiggwidaw it-traffiku.
//= $special ?>