Internazzjonali

L-Iran jitbiegħed mill-Patt Nukleari, fost l-allarm ta’ Franza u r-Russja

L-Awtorità Iżlamika fl-Iran żiedet il-ħidma fil-faċilità nukleari ta’ Fordow ( taħt l-art), bi Franza tesprimi inkwiet dwar dan il-pass li juri għall-ewwel darba li l-Iranjani qegħdin jippjanaw ‘speċifikament’ biex iwarrbu għall-Ftehim Storiku (tal-2015) mal-Potenzi tad-Dinja, bil-għan li l-Iran irażżan il-proġetti nukleari tiegħu.

Ir-Russja wkoll tinsab allarmata dwar id-deċiżjoni tal-Iran biex jibda jgħaddi gass tal-uranju fis-centrifuges ta’ Fordow. It-Televiżjoni Iranjana qalet li l-proċess kien qed isir fil-preżenza tal-ispetturi tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA).

Element partikulari tal-Ftehim kellu jestendi ż-żmien li għandu jeħtieġ l-Iran biex ( jekk irid) jibni arma nukleari minn xahrejn jew tliet xhur sa sena.

Il-Ftehim, intant, jipprojbixxi materjal nukleari li ġej minn Fordow.  U, skont il-proċess li jippermetti biex il-gass jgħaddi mis-centrifuges, din il-faċilità, effettivament, qed tkun ‘elevata’ minn sit bl-istatus permess għal riċerka għal sit nukleari attiv.

Il-President Iranjan, Hassan Rouhani, li kien protagonista fil-Ftehim tal-2015 mal-Potenzi, waħħal fl-Istati Uniti għall-fatt li l-Iran qed jirtira mill-impenji nukleari tiegħu. Rouhani kompla li l-faċilità ta’ Fordow ‘dalwaqt terġa tibda bis-sħiħ, il-proċessi għall-irraffinar tal-uranju’.

Hu sostna li ‘minn issa’ l-Iran qed jieħu r-raba’ pass lejn it-tnaqqis tal-impenji taħt il-Ftehim mal-Potenzi  — bil-President Franċiż, Emmanuel Macron, waqt żjara fiċ-Ċina, ifisser dan il-pass tal-Iranjani bħala ‘wieħed gravi’.

Macron spjega li d-deċiżjoni mir-reġim ta’ Tehran, għall-ewwel darba, qed tindika ‘bidla profonda fil-politika nukleari( tal-Iranjani)’. Dan meta l-President Franċiż kien protagonista fl-isforzi tal-Ewropa biex issalva l-Ftehim Nukleari mal-Iran wara li l-Istati Uniti rtirat mill-patt storiku.

F’Moska, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li l-iżviluppi relatati għall-Ftehim Nukleari huma ‘ferm allarmanti’ u ħeġġeġ biex l-Iran jirrispetta l-obbligi li daħal għalihom skont il-patt. Madankollu, Lavrov sostna li ‘jifhem għalfejn l-Iran qed jaqta’ lura mill-impenji’u qal li s-sitwazzjoni ‘seħħet mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex joħroġ mill-Ftehim’.