Sport Sport Ieħor

Mark Zammit jiskorja l-100 gowl ma’ Luxol fir-rebħa kontra Valletta

(Ritratt: Joe Borg)

Iċ-champions Luxol rebħu l-konfront dirett kontra Valletta bl-iskor ta’ 6-4 f’logħba li dejjem tkun missielta, biex b’din ir-rebħa telgħu waħedhom fil-quċċata. Fil-logħba spikkat id-doppjetta tal-captain Mark Zammit li b’hekk irnexxielu jilħaq tragward importanti hekk kif skorja l-100 gowl mal-klabb.

Il-gowls l-oħra waslu minn Giancarlo Sammut, Carl Azzopardi, Marwan Telisi u Everton Veve. Valletta naqqsu d-distakk permezz ta’ doppjetta ta’ Dusan Rakic kif ukoll gowls minn George Frendo u Mohammed Lamari.

F’konfronti oħra, Swieqi United għelbu lit-tim tal-Università ta’ Malta 8-5. Bidu tajjeb għat-tim tal-Università li fetħu kmieni l-iskor permezz ta’ Melvin Borg u Ivan Jovanovic, b’tal-aħħar jitkeċċa aktar tard fil-logħba. Swieqi rrispondew bi tliet gowls f’erba’ minuti skorjati minn Firas Aboulezz, Sergio Gonzales Morales u Aaron Montebello. Qabel tmiem l-ewwel taqsima reġa’ kien Melvin Borg li għamel l-iskor 3-3.

Fit-tieni taqsima, Swieqi United kisbu vantaġġ doppju. Minn Rodney Debono u Aboulezz iżda l-Universitarji reġgħu ġabu d-draw permezz ta’ Christian Wismayer u l-Iżvizzeru Gabriel Buckson li kien qed jagħmel id-debutt. Iżda fl-aħħar 100 sekonda, Swieqi rnexxielhom jiksbu r-rebħa bi tliet gowls permezz tal-gowlkier Clyde Aquilina, Sergio Gonzales Morales u Firas Aboulezz.

Mill-Kampjonat Amateur, it-tim B ta’ Swieqi United għeleb lil Marsaskala Futsla 4-3 u t-tim B ta’ Luxol rebaħ 4-2 kontra Qormi.

Kampjonat Elite

Klassifika

Luxol 9 punti, Valletta 6 punti, Swieqi United 3 punti, l-Università ta’ Malta 3 punti

Logħob li jmiss

Skola Nazzjonali tal-Isport

Illum: Luxol v l-Università ta’ Malta

Il-Ġimgħa: Swieqi United v Valletta

Kampjonat Amateur

Klassifika

Żurrieq Futsal 6 punti, Swieqi United B 6 punti, Luxol B 4 punti, Marsaskala Futsal 3 punti, South Boys punt, Qormi 0 punti

Logħob li jmiss

De La Salle

Il-Ġimgħa: South Boys v Żurrieq Futsal 7.30pm

Is-Sibt: Marsaskala Futsal v Luxol B 2.30pm