Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: Mill-ġdid iffullar fil-kurituri tal-isptar Mater Dei

Net News irċieva ritratt ta’ kju fl-SOP (Surgical Outpatients) Upper Floor, ritratt li jixhed kju ta’ nies jistennew li jinqdew, u dan biss fil-kuritur. L-istess persuna qaltilna li kien hemm aktar nies jistennew barra.

Ritratt bħal dan jikkonferma rapport tal-NAO hekk kif fl-aħħar jiem qal li madwar 7,000 persuna damu aktar minn 6 xhur jistennew appuntament fl-Outpatients ta’ Mater Dei. Dan kien konfermat minn Rapport li ġie ppubblikat jiem ilu mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

Kien il-managment ta’ Mater Dei illi fassal fuqu stess il-mira ta’ 26 ġimgħa, li kellu jkun il-massimu biex jingħata appuntament. Dan bil-għan li l-pazjenti ma jdumux jistennew – xi ħaġa li b’mod evidenti mhix tiġri

Skont l-NAO, l-aktar persuni affetwati huma dawk li qed jistennew appuntament fl-Outpatients għad-Dijabete, għall-Klinika tal-Uroloġija u għall-appuntamenti fejn jidħlu problemi fl-imsaren.

Mir-Rapport li kien preżenta l-NAO f’Novembru tal-2017, it-tmexxija ta’ Mater Dei implimentat biss 3 minn 16-il rakkomandazzjoni.

Stqarrija mill-Ministru Chris Fearne

Intant, f’dik li kellha tkun risposta bid-dritt tal-liġi tal-istampa, il-Ministeru ta’ Chris Fearne spiċċa jikkonferma li dawn in-nies kienu parti minn “mijiet ta’ persuni li jkollhom appuntamenti ta’ kuljum ma’ speċjalisti u kirurgi ġewwa Mater Dei u li qegħdin bilqiegħda jistennew I-appuntament”.

L-istqarrija tgħid li dawn “mhux  kif  ipprovaw jagħtu I-impressjoni tan-NET,  pazjenti li qed jieħdu xi kura f’kuritur” – xi ħaġa li NetNews.com.mt qatt ma qal.

Il-Ministeru qal li “ir-ritratt  huwa  prova ċara tal-attività li tkun ghaddejja ta’ kuljum fid-Dipartiment taI-Out Patients.”