Lokali

Sena wara… il-bypass tal-Mellieħa terġa’ tinqala’

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar jattakka lil Infrastructure Malta fuq avviż li parti mill-bypass tal-Mellieħa se terġa’ ssir, peress li l-bypass inbniet fl-2018. Huwa jenfasizza li l-awtorità qed tipprova tgħaddi lin-nies biż-żmien hekk kif issa qed jirrealizzaw li hemm bżonn isiru l-pajpijiet ta’ taħt l-art f’din it-triq.

F’post fuq facebook, Infrastruttura Malta kitbet li ‘Dil-ġimgħa, il-kuntratturi tagħna qed jibdew it-tiswijiet tal-Bypass tal-Mellieħa (Triq Louis Wettinger). Partijiet minn wiċċ din it-triq, li nbniet mill-ġdid fl-2018, ma laħqux il-livelli ta’ kwalità mixtieqa u jeħtieġ isiru mill-ġdid. Wara li kkonsultajna l-Kunsill Lokali Mellieħa, qed nagħmlu wkoll katusi ġodda taħt l-art biex insaħħu s-sistema tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess triq. Xi korsiji jistgħu jkunu magħluqin waqt ix-xogħlijiet. Jekk it-temp jippermetti, it-tiswijiet jitlestew sax-xahar id-dieħel. ‘

F’kumment dwar din is-sitwazzjoni, Robert Cutajar qal li Infrastructure Malta kompliet tipprova tgħaddi lin-nies biż-żmien. “Illum qed jirrealizzaw li dawn kellhom jinstallaw pajpijiet ġodda?? Sena wara li nsterqet parti mill-bypass u ntefqu €2 miljun fejn xorta twettqu xogħlijiet difettużi.”

Dan hekk kif din it-triq ġiet irranġata għas-servizz ta’ żvilupp privat. Robert Cutajar qal li dan il-każ għadu pendenti quddiem l-Ombudsman. Il-Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman kien oriġinarjament ċaħad il-każ, madankollu Robert Cutajar talbu biex tiġi kkunsidrata mill-ġdid… tali talba ġiet aċċettata mill-Ombudsman. Huwa temm jgħid li d-deċiżjoni dwar dan il-każ għadha pendenti, Cutajar spjega.

Intant b’reazzjoni għall-istqarrija ta’ Infrastruttura Malta li sar xi konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Kunsillieri tal-PN fil-Mellieħa jinneġaw li sar magħhom jew ġew infurmati b’xi laqgħa rigward tiswija ta’ wiċċ it-triq jew/u nkella katusi ġodda tal-ilqugħ tal-ilma.

Il-Kunsillieri Melliħin tal-PN jsostnu li meta x-xogħol isir bl-għaġla, bla pjan u bla konsultazzjoni qabel, dawn it-tip ta’ żbalji jsiru, fejn ikomplu jħallsu ta’ dawn l-żbalji ċ-ċittadini Maltin. Huwa ċar li ma sarux l-studji fuq ix-xogħol u bżonn ta’ katusi ġodda tal-ilqugħ tal-ilma, issa se jkollhom  jsiru għax ma sarux kif jitlob il-bżonn. Dan iqajjem iżjed mistoqsijiet u nfiq ta’ flus li setgħu ntużaw post ieħor.