Philip Camilleri ta’ 39 sena mill-Marsa li kien ġie kkundannat għal erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li darab serjament lill-avukat Tonio Azzopardi meta hu u missieru ħebbew għalih fl-uffiċċju tiegħu f’Lulju tal-2006 kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa b’sena.
Huwa kien instab ħati flimkien ma’ missieru li darbu serjament lill-Avukat Tonio Azzopardi. Missier l-akkużat miet ftit taż-żmien wara l-inċident. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti naqset is-sentenza wara li ħelsietu minn akkuża li ġiegħel lill-vittma jiffirma ċekk kontra r-rieda tiegħu, filwaqt li kkonfermat il-bqija tas-sentenza.
L-inċident kien seħħ fit-3 ta’ Lulju għall-ħabta tal-5.30 p.m. L-akkużat u missieru, li kien miet waqt il-proċeduri, kienu akkużati li ħebbew għall-avukat f’argument dwar depożitu ta’ €11,600.
Il-Maġistrat Marseann Farrugia kienet ikkundannat lil Camilleri għal erba’ snin ħabs fuq dan il-każ li ħalla lill-avukat b’tanbur tal-widna mtaqqab u ordnatlu jħallas ukoll €1,400 fi spejjeż tal-Qorti. Camilleri appella mis-sentenza.
Fil-Qorti ntqal li l-avukat Azzopardi kien l-avukat ta’ Joyce Camilleri, il-mara u omm l-akkużati f’kawża ċivili li fi tmiemha kellhom jieħdu d-depożitu li kien għand l-avukat Azzopardi.
Għalhekk kienu marru l-uffiċċju t’Azzopardi biex jieħdu d-depożitu u skont l-avukat Azzopardi meta fetaħ il-bieb tal-uffiċċju l-akkużati daħlu u bdew jagħtuh repetutament.
Żied jgħid li fl-attakk li dam għaddej bejn sitt u tmien minuti, irċieva mal-40 daqqa, l-maġġoranza fuq rasu. Esperti tal-Qorti xehdu li l-avukat Azzopardi sofra diżabilità fis-smiegħ.
Irriżulta li l-imputati ma kienux klijenti tal-Avukat Azzopardi u lanqas ma marru għandu biex jirrikorru għas-servizzi professjonali tiegħu. Il-konnessjoni ta’ bejniethom kienet tramite l-mara ta’ missier Philip Camilleri, li kienet qed qed jidher għaliha bħala l-avukat tal-għajnuna legali, f’kawża kontra l-istess missier fuq kwistjoni ta’ separazzjoni.
Dwar il-piena, l-Qorti qalet li wara li ħadet qies taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluż il-liberazzjoni mill-ħames akkuża permezz ta’ din is-sentenza, kif ukoll it-trapass ta’ zmien qed tħassar u tirrevoka dik il-parti tas-sentenza li biha kkundannat lill-appellant għal terminu ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u minflok tikkundannah għall-perjodu ta’ priġunerija ta’ tliet snin u tikkonfermaha fil-bqija. Għall-imputat dehru l-Avukati Veronique Dalli u Edward Gatt.
//= $special ?>